Euro 2020: Diżappunt kbir

    Ritratt: Tonio Magro

    Faroe Islands........ 1

    Malta..................... 0

    F’dik li kienet tama kbira li stajna niksbu rebħa ... spiċċat f’diżap­punt kbir meta, f’Torshavn, Malta sfat megħluba minn Faroe Islands bl-iskor ta’ 1-0 bil-possibbiltá wkoll li nis­tgħu nispiċċaw fl-aħħar po­żizzjoni fil-grupp ta’ dan ir-round ta’ kwalifikazzjoni tal-Euro 2020. 

    It-team immexxi minn Ray “Żażu” Farrugia kellu bidu veloċi fit-tentat­tiv li jiskorja goal kmieni.

    Iżda b’mod gradwali, l-avversarji bdew joħorġu mill-qoxra difensiva u sa­ħansitra bdew juru logħob intelliġenti u meqjus fejn ħolqu wkoll l-aħjar ċan­sijiet ta’ skor.

    Min-naħa tal-Maltin is-settur ta’ nofs il-ground ma bediex jiffunzjona fil-massimu tiegħu biex ippermetta l-ispazji għall-avversarji.

    Barra minn hekk, żewġ fatturi li batejna minnhom kienu s-saħħa kif ukoll il-blalen fl-ajru.

    Fit-tieni taqsima, il-players Maltin dehru maħkuma minn għejja fiżika u psi­koloġika bil-konsegwenza li  bdew jirtiraw lura u jilagħbu l-logħba ta’ konteniment.

    Iżda fil-veritá xejn ma kienu effettivi fil-kontrattak­ki biex il-goalkeeper avversarju rari ġie mpenjat.

    Il-goal li sofrejna wasal minn set-piece fejn l-avversarji approfittaw mit-tul tagħ­hom.  Dan kien id-daq­qa mortali minħabba li l-Maltin qatt ma għarfu jirkupraw minn dan id-defiċit biex il-Faroes ikkontrollaw il-kumplament tal-logħba.

    Il-Maltin mill-ewwel urew l-intenzjonijiet tagħ­hom meta ħarġu fuq l-offensiva u wara biss minuta was­let l-ewwel azzjoni iżda Jake Grech għolla l-ballun minn tarf il-kaxxa.

    Fil-ħames minuta, Joseph Mbong xeħet lejn Zach Muscat, li iżda l-konklużjoni tiegħu spiċċat barra minn qagħda angolata.

    Fl-10 minuta, il-Maltin rebħu free-kick meta Heini Vatnsdal ikkommetta foul fuq Kyrian Nwoko. Iżda mit-tentattiv ta’ Paul Fe­nech, l-istess Nwoko xeħet barra bir-ras. Tliet minuti wara kien imiss li Joseph Mbong li jirbaħ free-kick, iżda Steve Borg falla l-mira kompletament b’xutt minn 35 metru bogħod.

    Fil-15-il minuta, fl-ew­wel attakk tagħhom, Faroe Islands kienu għoddhom fetħu l-iskor meta minn azjoni ta’ corner, b’xorti tajba Joan Simun Edmundsson naqas li jolqot il-ballun minn taħt il-lasti.

    Fit-22 minuta, il-Faroes rebħu free-kick f’tarf il-kax­xa li bi cross insidjuż ta’ Atli Gregersen, qabad lid-difiża Maltija statika għall-aħħar biex Hallur Hansson minn metru bogħod ma laqatx il-ballun bir-ras bil-goalkeeper Malti, Henry Bonello, megħ­lub għal kollox ... u għal­daqstant ħlisniha ħafif.

    Ir-reazzjoni Maltija kie­net waħda mmedjata u f’kontrat­takk veloċi, Michael Mifsud għadda lejn Jake Grech li ġera mal-faxxa late­rali u xeħet lejn Kyrian Nwoko li kien antiċipat fil-ħin minn Heini Vatnsdal biex seta’ jagħmel xi forma ta’ ħsara.

    Fl-34 minuta, fl-aħjar azzjoni Maltija mibnija minn Michael Mifsud,  dan għad­da lejn Jake Grech li minflok irreċiprokalu l-ballun, ipprefera li jixxuttja minn barra l-kaxxa li kien wieħed dgħajjef biex il-goalkeeper, Gunnar Nielsen, ma kellux diffikultá jiġbor il-ballun minn mal-art.

    Imbagħad assistejna għal azzjoni perikoluża min-naħa tal-Faroes meta mill-cross ta’ Joan Edmundsen fil-baxx, Solvi Vatnhamar irtokka l-ballun, minkejja li ġie ttakiljat minn Mbong, li għadda ma’ sieq il-lasta.

    Fit-43 minuta, il-Maltin resqu viċin li jiftħu l-iskor meta Jake Grech għadda through pass lejn Nwoko iżda minn pożizzjoni ideali ġie mblukkat fil-ħin minn Gre­gersen.

    Madankollu l-protagonista kien Mbong proprju fl-aħħar azzjoni tal-ewwel taqsima meta litteralment intefa’ fuq il-ballun biex salva goal ċert mit-tentattiv ta’ Joannes Danielsen.

    Fis-60 minuta, Edmudsson qata’ għal kollox lid-difiża Maltija bi through pass perfett lejn Viljornur David­sen iżda daqstant ieħor kien impekkabbli Rowen Muscat li bi sliding tackle perfetta an­tiċipa fil-ħin lil dan l-avversarju.

    Fil-65 minuta, il-Faroes reġgħu bnew attakk ieħor fejn Viljornur Davidsen ħarab fuq il-linja u xeħet għan-nofs fejn kien hemm ftuħ enormi iżda Danielsen minflok immira lejn il-lasti xeħet lejn il-bandiera tal-corner.

    Iżda fil-71 minuta, sofrej­na l-goal meta minn azzjoni ta’ corner  Rogvi Baldvinsson għola fuq kul­ħadd u bir-ras xeħet il-ballun fir-rokna tax-xibka.

    L-unika reazzjoni Maltija kienet xutt bid-dawra ta’ Alfred Effiong minn barra l-kaxxa li għaddiet tħakkek mal-wieqfa.