Franza: “Ir-Renju Unit ippreżentat proposta serja għal Brexit”

    Il-Gvern Franċiż huwa tal-fehma li r-Renju Unit ippreżenta “proposta serja” fir-rigward tal-ħruġ mis-sħubija tiegħu fl-Unjoni Ewropea. Dan minkejja li għadu wisq bikri biex jingħad jekk hux se jintlaħaq ftehim waqt summit Ewropew li se jkun qed jiżvolġi aktar tard din il-ġimgħa.

    Is-sitwazzjoni dwar Brexit trid tkun ippreżentata b’mod ċar qabel il-laqgħa tal-mexxejja tal-UE li se tkun qed tiżvolġi nhar il-Ħamis li ġej fi Brussell.

    Intant Michel Barnier, il-kap negozjatur tal-UE dwar Brexit, qal li huwa possibbli li jintlaħaq ftehim sa din il-ġimgħa. Madankollu t-taħditiet għadhom meqjusin diffiċli wara li n-negozjaturi Brittaniċi ssottomettew pjani emendati dwar Brexit.

    Intant uffiċjal għall-Presidenza Franċiża qal li t-taħditiet bejn ir-Renju Unit u Barnier jeħtieġ li jkomplu javvanzaw qabel is-summit tal-mexxejja Ewropej.