“Baġit soċjali, b’nuqqas ta’ inċentivi ċari li jiġġeneraw l-ekonomija l-ħadra” - Żminijietna

    Żminijietna – Leħen ix-Xellug qed tqis il-baġit ippreżentat ilbieraħ mill-Ministru Edward Scicluna bħala baġit soċjali b’nuqqas ta’ inċentivi ċari li jiġġeneraw l-ekonomija l-ħadra. Żminijietna tenniet li “li l-miżuri li ħabbar il-Gvern fil-qasam soċjali huma pożittivi, fosthom iż-żieda fil-pensjonijiet u l-benefiċċji soċjali, transport pubbliku bla ħlas lill-persuni ‘il fuq minn 75, kif ukoll benefiċċji oħra li se jgħinu lill-familji fil-bżonn, persuni b’diżabilità, u persuni b’mard sever”.

    Sħaqet li l-istess jista’ jingħad fil-qasam finanzjarju, bil-Gvern permezz tal-politika li ħaddan tbiegħed mil-politika neoliberali ta’ awsterità, li ħaddnu diversi pajjiżi fl-Ewropa. 

    Fl-istess waqt Żminijietna qalet li mil-lat soċjo-ekonomiku tinsab iddiżappuntata li l-Gvern naqas milli jgħolli l-paga minima nazzjonali biex jagħti valur lix-xogħol li jagħmlu ħaddiema bil-paga minima.Mil-banda l-oħra qalet li kien pass għaqli li l-impjieg partajm jibda jiġi nitaxxat bi 15% kif ukoll li għall-ewwel darba se jiddaħħal il-prinċipju fis-suq tax-xogħol ta’ ‘paga ugwali għal xogħol ugwali’. Saħqet li din mistennija li jkollha impatt pożittiv biex jiġi miġġieled l-abbuż fil-pagi.  

    Żminijietna tenniet li “fil-qasam ambjentali, filwaqt li hemm diversi miżuri tajbin biex Malta tibda tersaq lejn ekonomija ħadra, fosthom bl-eliminazzjoni ta’ single-use plastic, l-introduzzjoni ta’ reverse vending machine, kif ukoll pjan sabiex l-karozzi kollha f’Malta jkunu elettriċi, nisħqu sabiex il-Gvern jkun aktar avventuruż f’oqsma oħra li jinċentivaw l-ekonomija l-ħadra.”

    Temmet tgħid li l-baġit naqas milli jaġevola l-ħolqien ta’ intrapriżi ġodda li jinvestu fi produzzjoni ta’ prodotti innovattiva ġodda magħmula minn skart riċiklabbli, fosthom il-plastik, il-kostruzzjoni, u materjali oħra.