Il-Ministri Ewropej għandhom jiġu aġġornati dwar Brexit

    Il-Ministri tal-Unjoni Ewropea li qegħdin jiltaqgħu fil-Lussemburgu mistennija jingħataw aġġornament dwar is-sitwazzjoni ta’ Brexit mill-kap tan-negozjaturi, Michel Barnier. 

    Fl-aħħar ġranet jirriżulta li t-taħditiet bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit intensifikaw biex jintleħaq ftehim dwar Brexit. It-tama li jintleħaq ftehim qabel il-31 ta’ Ottubru żdiedet wara li l-ġimgħa li għaddiet kien hemm laqgħa bejn Boris Johnson u l-Prim Ministru Irlandiż. 

    Madankollu, Barnier qal ukoll li għad hemm qabża kbira bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea. 

    Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Finlandiż, Antti Rinne, li għandu f’idejh il-Presidenza tal-Unjoni Ewropea, qal li ma hemmx biżżejjed żmien biex jintleħaq ftehim. Wara laqgħa mal-President tal-Kunsill tal-Ewropa, Charles Michel, Rinne qal li hu jaħseb li m’hemmx żmien b’mod prattiku u legali biex jinstab ftehim qabel il-laqgħa tal-kunsill tal-Unjoni Ewropea. 

    B’risposta għal dan, is-Segretarju tal-Housing Robert Jenrick mar kontra dawn ir-rimarki u qal li sar ħafna progess u n-negozjati mexjin b’mod intensiv. Hu sostna li l-Unjoni Ewropea hi kapaċi timxi b’rata mgħaġġla jekk trid. Sostna li bħal kull negozjat ieħor mal-Unjoni Ewropea, kollox jiġri fl-aħħar minuta.