Euro 2020: Il-partita bejn il-Bulgarija u l-Ingilterra titwaqqaf darbtejn minħabba r-razziżmu

    Il-partita bejn il-Bulgarija u l-Ingilterra li ntlagħbet f’Sofia, valida mir-round ta’ kwalifikazzjoni tal-Euro 2020, kellha tiġi mwaqqfa darbtejn minħabba kant razzista mmirat lejn il-players suwed tal-Ingilterra.

    Dan seħħ matul l-ewwel taqsima fejn il-coach Ingliż, Gareth Southgate, ħareġ lill-players tiegħu b’mod temporanju sakemm sezzjoni ta’ partitarji Bulgarija tkeċċew mill-ground. Barra minn hekk kellhom jintervjenu wkoll il-players Bulgari biex jippruvaw jikkalmaw lill-partitarji tagħhom milli jkomplu b’dan l-abbuż.  Kien hemm ukoll il-biżgħa li dan il-konfront seta’ jiġi abbandunat.

    Ir-referee Kroat, Ivan Bebel, implimenta l-ewwel protokol (minn tlieta) tal-UEFA biex issospenda l-logħba b’mod temporanju fejn il-partitarji ġew indirizzati permezz tal-PA system biex iwaqqfu dan l-abbuż b’mod immedjat. Imbagħad lejn tmiem l-ewwel taqsima l-uffiċjal tal-logħba reġa’ waqqaf il-partita fejn informa wkoll lid-diriġenti tal-FA Bulgara li seta’ jabbandunaha. Peró l-players Ingliżi riedu jkomplu jilagħbu sal-mistrieħ.

    U minkejja li fit-tieni taqsima l-abbuż baqa’ għaddej b’mod minimu, il-partita kompliet tintlagħab.

    L-Ingliżi ħarġu rebbieħa bl-iskor kbir ta’ 6-0.