Gianluigi Buffon impressjonat bl-umiltá ta’ Cristiano Ronaldo

    Il-goalkeeper ta’ Juventus, Gianluigi Buffon, faħħar l-attitudni professjonali tal-kollega Cristiano Ronaldo u fuq kollox l-umiltá li dejjem wera mal-players sħabu.

    Ronaldo ingħaqad ma’ Juventus fil-bidu tal-istaġun li għadda wara disa’ snin ma’ Real Madrid. Min-naħa tiegħu, Buffon irritorna  mal-Bianconeri wara staġun ma’ Paris St Germain.

    Il-goalkeeper ta’ 41 sena sostna li laqtitu ħafna l-modestá tal-plejer Portugiż minkejja li rebaħ kull ma joffri l-football internazzjonali.

    Buffon qal li wara kull sessjoni ta’ taħriġ, huwa jqatta’ ftit tal-ħin jitkellem ma’ Ronaldo fuq it-tattiċi tal-logħba.

    Mistoqsi dwar iċ-ċansijiet tagħhom li jirbħu l-UEFA Champions League, Buffon ammetta li din saret fissazzjoni għas-segwaċi Juventini għalkemm jemmen li Ronaldo jista’ jagħtihom daqqa t’id sabiex jirnexxielhom jagħmlu dan.