Roberto Mancini kburi bit-team nazzjonali Taljan

    Il-coach tat-team nazzjonali Roberto Mancini jemmen li bi ftit ta’ rtokki u b’aktar titjib, l-Italja jistgħu jisfidaw għat-titlu tal-Euro 2020 li se jsir fis-sajf li ġej.

    Huwa kien qed jitkellem qabel il-logħba tat-Tlieta kontra Liechtenstein. Bl-aħħar rebħa li rreġistraw bl-iskor ta’ 2-0 kontra l-Greċja, l-Azzurri bbukkjaw post għal dan it-tournament Ewropew wara li fallew milli jikkwalifikaw għat-Tazza tad-Dinja tas-sena l-oħra.

    Ħafna faħħru l-attitudni ta’ Mancini li beda prattikament mix-xejn wara dak il-falliment u mexxa lit-tim għal tmien rebħiet konsekuttivi fi Grupp J.

    L-ex coach ta’ Manchester City u Inter qal li rnexxielu jibni team fi ftit taż-żmien u rringrazzja lill-plejers tiegħu tad-dedikazzjoni li dejjem urew kull meta ġew imsejħa.

    Hu temm jgħid li f’din l-iskwadra m’hemmx stilla partikolari iżda hemm għaqda kbira li fl-aħħar mill-aħħar twassal għas-suċċess.