Titħabbar il-mewt tal-ewwel awstronawta li mexa fl-ispazju

    Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, tħabbret il-mewt ta’ Alexei Leonov, l-ewwel awstronawta li mexa fl-ispazju fl-1965.

    Alexei, magħruf ukoll bħala “kosmonawta numru ħdax” ġie onorat aktar minn darba bħala l-eroj tal-Unjoni Sovjetika u filwaqt li l-aġenzija spazjali, Roscosmos, ħabbru b’dieqa l-mewt tar-Russu, il-President Vladimir Putin qal li kien jammira ‘l Alexei tal-kuraġġ li wera’ fil-missjoni tiegħu.

    Fil-perjodu li d-dinja kienet maqsuma fi tnejn, fil-gwerra bierda bejn l-Istati Uniti u r-Russja, il-kompetizzjoni ta’ min se jitla’ fl-ispazju l-ewwel, kienet għaddejja ġmiela bejn iż-żewġ avversarji. Ir-Russja rnexxielhom “jirbħu” hekk kif irnexxielhom jitilgħu għaxar ġimgħat qabel l-Amerikani. 

    Madankollu, Leonov u Gagarin ġew magħżula biex jitilgħu fl-ispazju u jagħmlu dak li llum il-ġurnata huwa magħruf bħala l-avveniment storiku, “l-ispacewalk”.

    “Bdejt nimbotta lili nnifsi bil-mod u rnexxieli noħroġ mill-vettura spazjali” spjega Leonov f’intervista fl-2015. “Kont imdawwar bl-istillel u x-xemx tant bdiet tiddi li bilkemm flaħtha,” żied jgħid l-eroj.

    Filwaqt li kien marbut b’ħabel ta’ 16-il pied, beda jistagħġeb bl-isbuħija tad-dinja tonda tonda u ma naqasx milli ġibed diversi ritratti li fosthom wera’ l-Kawkasu, il-Krimea u l-Volga. 

    Minkejja li din il-missjoni rnexxiet, hekk kif kienu ġejjin lura iltaqgħu ma’ ħafna diffikultajiet li setgħu jkunu fatali hekk kif Leonov u Belyayev (il-pilota), kienu se jiġġarfu f’bosk Russu. Dan l-avveniment ġie rikreat fl-2017 fil-film Spacewalker b’konsultazzjoni ma’ Leonov innifsu filwaqt li l-attur Yevgeny Mironov ħadem l-irwol tiegħu.