Riġenerata l-Berġa tas-Saħħa taż-Żejtun

    Aktar tard dan ix-xahar mistennija tkun inawgurata l-Berġa tas-Saħħa taż-Żejtun wara xogħolijiet estensivi li saru fiha tul dawn l-aħħar xhur. Ir-riġenerazzjoni ta’ din il-berġa se tkun mhux biss fuq livell strutturali imma wkoll fuq is-servizzi li se jkunu provduti minnha mhux biss għar-residenti Żwieten imma wkoll għar-residenti tal-madwar.

    Il-berġa ġiet trasformata kompletament u minn waħda ta’ żewġt ikmamar issa se jkun hemm erba’ kliniċi attrezzati u moderni. Barra minn hekk se jiżdiedu s-servizzi kliniċi, fosthom is-servizz ta’ tabib, servizz ta’ infermiera, servizzi tal-podjatrija, patoloġija mitkellma, servizzi ta’ nutrizzjonisti u pariri dwar stil ta’ ħajja aktar sana.

    Kunsidrat ir-ritmu qawwi li għaddej bih il-programm ta’ xogħolijiet fuq rinovar u riġenerar tal-bereġ tas-saħħa l-gazzetta talbet il-kumment tad-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne. Huwa qal li “hija l-politika tal-Gvern li jagħti importanza massima lill-qasam tal-kura primarja li sfortunatament taħt amministrazzjonijiet preċedenti esperjenza snin twal ta’ telqa. Il-mira tagħna hija li nagħtu l-ħajja lill-bereġ tas-saħħa u nżidu s-servizzi kliniċi minnhom u miċ-Ċentri tas-Saħħa sabiex aktar u aktar pazjenti jkunu jistgħu jinqdew fil-komunità u fil-lokalità fejn jgħixu. Ir-riżultati miksubin s’issa qegħdin juru eżattament dan.”

    Il-Berġa taż-Żejtun se tkun il-ħames waħda li tlestew xogħolijiet ta’ rinovar fuqhom din is-sena filwaqt li minn kull waħda minnhom żdiedu s-servizzi kliniċi li jipprovdu. L-erba’ bereġ l-oħra huma dawk ta’ Ħ’Attard, Pietà, Żurrieq u Ħaż-Żabbar.

    L-importanza li qiegħda tingħata lill-qasam tal-kura primarja hija riflessa wkoll mill-fatt li f’Mejju li għadda ġie ffirmat Memorandum of Understanding bejn il-Fond għall-Iżvilupp Nazzjonali u Soċjali (NDSF) u d-Dipartiment tal-Kura Primarja fi ħdan il-Ministeru għas-Saħħa li permezz tiegħu l-NDSF se jgħaddi €10 miljun lill-PHC biex jintużaw fuq tmien Ċentri tas-Saħħa u 54 Berġa tas-Saħħa madwar Malta u Għawdex.