Sejħa għall-artisti għal xogħol tal-arti oriġinali li jikkomemora lill-Dom Mintoff għas-sala Dom Mintoff fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin

    Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ qed jistieden artisti interessati li joħolqu xogħol ta’ arti originali li jonora lil Dom Mintoff li serva bħala l-Ministru għall-Affarijiet Barranin ta’ Malta bejn l-1971-1981. Dan ix-xogħol tal-arti oriġinali se jitpoġġa f’sala prominenti ddedikata għal memorja ta’ Dom Mintoff fl-uffiċċju tal-Ministeru f’Palazzo Parisio fil-Belt Valletta. Sala Dom Mintoff ġiet imnedija fis-6 ta’ Awwissu 2019 fil-kommemorazzjoni tal-103 anniversarju mit-twelid ta’ Dom Mintoff.

    Il-Ministru Carmelo Abela rrimarka lit-tnedija ta’ din il-kompetizzjoni għall-ikkummissjonar ta’ xogħol tal-arti oriġinali, biex tfakkar lill-eks Ministru tal-Affarijiet Barranin Dom Mintoff, qed tipprovdi opportunità unika għall-artisti Maltin biex juru t-talent artistiku tagħhom b’mod permanenti fil-Palazz prestiġjuż Parisio, fejn ser jaraw ix-xogħol tagħhom isir bħala parti mill-wirt uniku u l-istorja rikka ta’ dan il-bini.

    Il-Ministru Abela jistieden artisti u disinjaturi biex jesprimu l-interess tagħhom biex jipparteċipaw f’din il-kompetizzjoni. Ix-xogħol tal-arti propost għandu jkun tal-ogħla kalibru possibbli u għandu jinkorpora l-personalità ta’ din il-persuna, kif ukoll il-filosofija u l-kontribuzzjonijiet tiegħu fil-fora internazzjonali.

    Il-proġett magħżul se jgħaddi mill-proċess ta’ implimentazzjoni taħt id-direzzjoni tal-artist mogħti bl-appoġġ ta’ kumitat intra-ministerjali. L-artist magħżul se jingħata kontribuzzjoni finanzjarja. Il-premju jġib miegħu prestiġju u esponiment għall-artist peress li se jkun esibit b’mod permanenti f’sala frekwentata minn diplomatiċi internazzjonali u personalitajiet ta’ profil għoli.

    Linji gwida u applikazzjoni għal din il-kompetizzjoni jinsabu fuq www.foreignaffairs.gov.mt

    Is-sottomissjonijiet jistgħu jsiru sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Novembru 2019.

    Sala Dom Mintoff għandha linef imponenti li kienu rigal diplomatiku mill-gvern Taljan meta Malta istabbilixxiet il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin tagħha. L-istess sala hija wkoll imżejna b’diversi pitturi prestiġjużi. Fosthom hemm pittura mill-Bottega ta’ Mattia Preti, ‘Iċ-Ċena f’Emmaws’, li għandha lil Kristu u lid-dixxipli tiegħu, u hu maħsub li din il-figura ċentrali hija x-xogħol ta’ dan l-artist tas-seklu 17.