74 immigrant salvati ’l barra mill-kosta Libjana, 110 oħrajn sfurzati jerġgħu jidħlu t-Tuneżija

    Gruppi umanitarji llum qalu li salvaw 74 immigrant fuq minn dgħajsa żgħira fil-Mediterran ’il barra mill-kosta Libjana filwaqt li l-awtoritajiet Tuneżini irrapportaw li kienu mblokkaw dgħajsa li kienet qed iġġorr 110 immigrant u li kienet sejra l-Italja.

    L-immigranti ġew salvati mill-vapur umanitarju Ocean Viking madwar 50 mil ’il barra mill-kosta Libjana viċin pjattaforma taż-żejt. Fost l-immigranti salvati kien hemm ukolkl sitt itfal.

    Il-Ministru Tuneżin għall-Intern qal li tliet dgħajjes tal-Gwardja tal-Kosta Tuneżina segwew dgħajsa b’immigranti abbord u eventwalment sfurzawha terġa’ tidħol mill-ġdid it-Tuneżija. L-uffiċjali salvaw ukoll 25 immigrant li kienu qabżu l-baħar.

    Intant matul il-jum tal-lum daħlu l-Italja numru ta’ immigranti fuq tliet dgħajjes. ANSA rrapportat li żewġ dgħajjes – waħda bi 15-il immigrant, u oħra bi 11-il persuna abbord – daħlu Lampedusa. L-aġenzija tal-aħbarijiet qalet ukoll li dgħajsa oħra bi 15-il Tuneżin daħlet fin-Nofsinhar ta’ Sqallija.