Stefano Pioli jitlob aktar players ta’ esperjenza

    Fl-ewwel laqgħa li kellu l-coach il-ġdid ta’ Milan, Stefano Pioli, mad-diriġenza tal-club immexxija minn Frederic Massara, Zvonimir Boban u Paolo Maldini, huwa talab li t-team jissaħħaħ meta jiftaħ is-suq tat-trasferimenti ta’ Jannar.

    Fuq kollox il-coach ta’ 53 sena jrid xi żewġ players ta’ esperjenza fl-iskwadra minħabba li din qed tinħass nieqsa f’tim li l-etá medja tiegħu hi verament żgħira.

    Boban u Maldini wiegħdu kull sapport lil Pioli fit-tentattiv li joħorġu minn kriżi mhux biss ta’ logħob iżda wkoll ta’ riżultati. L-istess diriġenti Milanisti sa ċertu punt iffrankaw kemxa ġmielha bl-akkwist ta’ Pioli hekk kif ix-xnigħat ftit qabel kienu qed jgħidu li Luciano Spalletti seta’ jingħaqad magħhom.