Studju fost 5,000 persuna li għandhhom bejn 50 u 80 sena biex jistudjaw problemi relatati mal-viżta

    Riċerkaturi mill-Universita ta' Malta se jagħmlu studju fost 5,000 persuna li għandhom bejn 50 u 80 sena biex jistudjaw problemi relatati mal-viżta.

    L-aħħar studju simili kien sar 30 sena ilu minn Dr John Cachia li llum jokkupa l-kariga ta' Kummissarju għas-Saħħa Mentali.

    Il-parteċipanti għal dan l-istudju, li qed jissejjaħ Malta Eye Study, se jintagħżlu mir-Reġistru Pubbliku u l-viżiti tal-għajnejn se jsiru fl-Isptar Mater Dei.

    Minbarra viżta b'xejn dawk li jattendu jingħataw riċetta tal-viżta u se jitqassmu anke 'gift vouchers' relatati mal-kura tal-għajnejn.

    L-istudju se jsir minn Dr David Agius, Mr Francis Carbonaro li huwa konsulent fl-Oftalmoloġija u l-Professur Julian Mamo.

    It-tnedija ta' dan l-istudju saret fil-Jum Dinji tal-Viżta li jitfakkar fl-10 ta' Ottubru ta' kull sena.

    Il-fondi għar-riċerka ġejjin mir-Research Innovation and Development Trust (RIDT) tal-Universita ta' Malta u l-Malta Community Chest Fund.