Studju li sar dan l-aħħar qiegħed jindika li l-Pesta, magħrufa bħala l-Mewt is-Sewda – li kienet qatlet madwar 200 miljun persuna f’Ewropa, jiġifieri 60% tal-popolazzjoni Ewropea – oriġinat mir-Russja.
Ir-riċerkaturi rnexxielhom jaslu għal din il-konklużjoni wara studju li sar fuq batterja li kienet tinsab fis-snien ta’ persuni li kienu mietu b’din il-marda kerha. Is-sejba turi li din il-marda kellha post wieħed ta’ oriġini fl-Ewropa, sewwasew f’Laishevo fil-Lvant tar-Russja.
Dik li hija magħrufa bħala l-Pesta kienet laqtet lill-Ewropa bejn l-1246 u l-1353. Din il-pandemija kienet ikkawżata minn batterja magħrufa bħala Yersinia pestis, li kkawżat numru ta’ pesti li kienu jiġu trażmessi għan-nies mill-briegħed. Dawn il-briegħed kienu “twasslu” madwar l-Ewropa kollha minħabba l-ġrieden, li kienu fi kwantitajiet kbar speċjalment fiż-żoni l-iktar popolari mal-kummerċ.
L-istrain speċifika ta’ Y. pestis li kienet responsabbli għal din il-pandemija llum ġiet estinta.
Grazzi għal teknoloġija sofistikata, ir-riċerkaturi rnexxielhom jibnu l-genomes tal-Y. pestis minn DNA li ġabru minn vittmi madwar l-Ewropa. Huma kienu qegħdin ifittxu biex jaraw fejn tinsab l-eqdem strain ta’ din il-batterja.
Minn dan, it-tim ikkonkluda li l-pesta kellha punt wieħed ta’ oriġini, u wisq probabbli dan kien beda f’Laishevo.