Samuel Little: l-iktar qattiel prolifiku fl-istorja tal-Istati Uniti

    L-FBI kkonfermaw li qattiel li jinsab arrestat ammetta li kien responsabbli għall-qtil ta’ 93 persuna fuq perjodu ta’ erba’ deċenji, u b’hekk dan qiegħed jiġi meqjus bħala l-iktar serial killer prolifiku fl-istorja tal-Istati Uniti tal-Amerika. 

    S’issa l-pulizija rnexxielhom jatribwixxu 50 każ ta’ omiċidju lil Samuel Little li għandu 79 sena. Dawn l-omiċidji seħħew bejn l-1970 u l-2005. Little ilu mill-2012 iservi sentenza ta’ għomor il-ħabs fuq il-qtil ta’ tliet nisa. 

    Samuel Little kien jattakka individwi vulnerabbli, l-iktar nisa ta’ ġilda sewda li ħafna minnhom kienu prostituti jew inkella jabbużaw mid-droga. 

    Bħala ekx boxter komptittiv, Little kien l-ewwel jagħti daqqiet ta’ ponn lill-vittmi u jistordihom u mbagħad jifgagħhom. 

    Għalhekk fil-ka­żijiet tie­għu ma kienx ikun hemm “sinjali ovvji” li l-vittmi jkunu ġew maqtula brutalment. Tant hu hekk, li diversi minn dawn l-omiċidji saħansitra qatt ma ġew investigati mill-FBI u mwiet oħrajn ġew magħluqa  bħala overdose ta’ droga jew inkella inċident. Għadd ta’ katavri qatt ma kienu nstabu.  Fi stqarrija li l-FBI ħarġu fl-aħħar sigħat, huma qalu li jemmnu bis-sħiħ li l-ammissjonijiet li għamel Little huma kredibbli. L-FBI tennew li minkejja li hu diġà jinsab il-ħabs, huma xorta qed ifittxu li kull vittma tingħata l-ġustizzja li jixirqilha.

    Għalhekk fil-preżent tinsab għaddejja ħidma intensiva biex jiġu verifikati t-43 każ li ammetta dwarhom Little.