[AĠĠORNAT] L-MUBE mhux se taċċetta tkeċċijiet fl-HSBC

    Wara l-aħbar li ħarġet aktar kmieni fi stqarrija maħruġa mill-HSBC, f'kuntatt ma' dan is-sit l-President tal-MUBE (Malta Union Of BAnk Employees) ddikjara li l-Union mhux se taċċetta tkeċċijiet u se tinsisti li jekk impjegat jitlaq dan isir fuq bażi volontarja.

    Sal-aħħar tas-sena d-dieħla l-HSBC ser ikun qiegħed jagħlaq disa’ fergħat il-fergħat u jtejjeb u jżid is-servizzi tiegħu f’fergħat oħra.

    Sal-aħħar ta’ din is-sena se jkunu qegħdin jingħalqu il-fergħat ta’ Birżebbuġa, Bormla, l-Fgura, l-Ħamrun, Wied il-Għajn, San Ġiljan u San Pawl il-Baħar. Il-bank ser iżomm is-servizz ta’ ATM u ‘deposit machines’ fil-lokalitajiet fejn il-fergħat ser jingħalqu.

    Is-sena d-dieħla se jingħalqu wkoll il-fergħat ta’ Ħal Qormi u Ħal Balzan, fejn minflokhom se ssir fergħa ġdida li tkun parti mill-uffiċċju prinċipali tal-bank f’Ħal Qormi.

    Fi stqarrija l-bank qal li d-deċiżjoni ttieħdet biex tirrifletti l-mod kif il-klijenti tal-lum qed jużaw il-bank u rrefera għal riċerka li saret.  Infatti riċerka li saret mill-Grupp HSBC turi li globalment, 80% tat-tranżazzjonijiet bankarji jsiru b’mod diġitali, b’45% fuq il-mowbajl. Bl-istess mod, riċerka miġbura minn HSBC Malta tindika li l-użu ta servizzi bankarji tradizzjonali mil-klijenti Maltin qed jonqos bil-fuq minn 10% fis-sena, fil-waqt li l-użu tal-mowbajl qed jiżdied b’65% kull sena.

    Il-fergħat tal-bank fil-Belt Valletta, il-Mosta, Raħal Ġdid, tas-Sliema u r-Rabat (Għawdex) ser jibdew jipprovdu aktar servizzi, parkeġġ għal klijenti u, suġġett għal qbil mal-Malta Union of Bank Employees (MUBE), ser jiftħu għal ħinijiet itwal.