Erba' persuni l-isptar wara inċident tat-traffiku... triq magħluqa għal xi sigħat

    Erba’ persuni ddaħħlu l-Isptar Mater Dei wara li kienu involuti f’inċident tat-traffiku li seħħ għall-ħabta tat-3.20 a.m fi Triq Għajn Tuffieħa f’San Pawl il-Baħar.

    Minn stħarriġ illi sar irriżulta li kienet seħħet ħabta bejn żewġ vetturi. Iż-żewġ vetturi involuti kienu volkswagen Polo misjuqa minn raġel ta’ 30 sena mill-Maċedonja u li miegħu riekba kien hemm mara oħra barranija u vettura Vitz misjuqa minn mara ya’ 40 sena residenti San Pawl il-Baħar u li magħha kien hemm tliet persuni oħra rekbin.

    Rekbin kien hemm raġel ta’ 28 sena mill-Maċedonja residenti San Pawl il-Baħar, mara ta’ 38 sena mill-Maċedonja wkoll u residenti San Pawl il-Baħar u raġel ieħor li l-identità tiegħu s’issa għadha mhix magħrufa.

    Fil-post issejħu tliet ambulanzi li ħadu lill-erba’ persuni li kienu fil-Vitz lejn l-isptar fejn aktar tard irriżulta li dik ta’ 38 sena kienet sofriet ġrieħi gravi, filwaqt li t-tlieta l-oħra sofrew ġrieħi ħfief.

    It-triq baqgħet għal xi ħin magħluqa sakemm setgħu jsiru l-investigazzjonijiet neċessarji.

    L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.