500 sodda aktar ġewwa San Vinċenz de Paul sal-2020

    Is-Segretarju Parlamentari għall-Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva, Anthony Agius Decelis, flimkien mal-Kap Eżekuttiv ta’ San Vinċenz de Paul, Dr Josianne Cutajar, ħabbru li r-residenza se jkollha estensjoni ta’ 500 sodda sal-2020.

    Is-Segretarju Parlamentari Anthony Agius Decelis stqarr illi dan huwa proġett ieħor f’kullana ta’ proġetti ta’ dan il-gvern, li qed iħejju lil Malta għall-futur. Din l-estensjoni li tingħaqad f’sensiela ta’ inizjattivi biex naħsbu għal dawk l-anzjani li ma jkunux jistgħu jibqgħu jgħixu fil-komunità minkejja l-isforzi kollha li jsiru.

    Huwa sostna li l-estensjoni ta’ erba’ blokok tar-residenza San Vinċenz de Paul se sservi biex tindirizza l-lista ta’ stennija ta’ dawk l-anzjani li għandhom livell ta’ dipendenza għolja, u biex isir proċess ta’ rilokazzjoni ta’ dawk l-anzjani li jgħixu fid-djar residenzjali u li għandhom bżonn kura aktar intensiva, hekk kif provduta f’dan iċ-ċentru tal-ġerjatrija.

    Dan il-proġett qiegħed jara investiment ta’ €30 miljun f’xogħol kapitali, u €274 miljun aktar fuq medda ta’ 10 snin fejn jidħol il-proviżjoni ta’ servizz tal-ogħla kwalità.

    Il-Kap Eżekuttiv ta’ San Vinċenz de Paul, Dr Josianne Cutajar, spjegat li din l-estensjoni se tkun qiedgħa tagħti l-istess servizzi professjonali u kliniċi ta’ kwalità li tipprovdi din l-entità. Dr Cutajar saħqet illi “biex inkomplu ntejbu l-kwalità tal-ħajja tal-individwi, filwaqt illi nħarsu d-dinjità u noffru l-aħjar kura, din il-binja se tkun qiegħda toffri spazju akbar lir-residenti.” Filwaqt li 72% tal-kmamar se jkunu fi swali ġenerali, 28% tal-kmamar se jkunu mgħammra biex jilqgħu persuni li għandhom id-dimensja.

    Iż-żona li fuqha qed jinbnew dawn il-blokok ġodda hija ta’ 33,500 metru kwardu. Dan se jinkludi spazji miftuħa għas-soċjalizzazzjoni u attivitajiet għall-anzjani, kif ukoll dawk iddedikati għat-taħriġ tal-ħaddiema, multi-purpose room, sala tal-fiżjoterapija, u kappella. Fost il-faċilitajiet li se jkun jinkludi dan il-proġett, insibu pixxina terapewtika, gymnasium, hairdressing salon, laundry room, u parkeġġ.

    Kull kamra se jkollha qies ta’ 50 metru kwardu, sitt metri kwadri akbar minn dak mitlub skont l-istandards nazzjonali. Intant, kull kamra se tkun attrezzata b’apparat mekkaniku u elettroniku tal-aħħar teknoloġija fejn tidħol kura tal-anzjani b’dipendenza għolja. Dan jinkludi arja kkundizzjonata, sodod elettroniċi, nurse call, vinyl flooring, u fire detection. Is-swali kollha se jkunu mgħammra b’terrazzini esterni u vinyl flooring.