IT Audit: Użu effettiv tat-tablets fl-iskejjel primarji tal-Istat, tal-Knisja u Indipendenti

    L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika ppubblika rapport ta’ verifika ta’ natura ta’ Teknoloġija tal-Informatika (IT) dwar l- użu effettiv tat-tablets fl-iskejjel primarji tal-Istat, tal-Knisja u Indipendenti. L-għan prinċipali tar-Rapport kien li janalizza l-implimentazzjoni tal-proġett imsejjaħ “One Tablet Per Child (OTPC)”, l-użu tat-tablets mill-istudenti u l-edukaturi tagħhom, il-kontenut diġitali li hu disponibbli, u l-livell ta’ taħriġ u għajnuna mogħtija.

    L-eżerċizzju tal-verifika kien jinkludi stħarriġ magħmul mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika fost l-edukaturi u l-ġenituri tal-istudenti li ngħataw it-tablets, fuq aspetti varji tal-iskema tal-OTPC. Il-punti prinċipali tar-rapport jinkludu fost oħrajn dawn li ġejjin:

    Analiżi tar-riżultati tal-istħarriġ uriet li t-tablets ma kinux qed jintużaw b’mod uniformi fost l-iskejjel kollha u/jew tipi differenti ta’ skejjel, speċifikament:
    o   Kważi 20% tat-tweġibiet mill-edukaturi indikaw li l-istudenti ma kinux qed jieħdu t-tablets l-iskola kuljum, u daqstant tweġibiet mill-għalliema wrew li qed jużaw dan l-apparat biss meta tkun pjanata attività.
    o   L-użu tat-tablets kien mifrux b’mod irregolari fost is-suġġetti akkademici kollha.
    o   Iktar minn nofs it-tweġibiet mill-edukaturi parteċipanti wrew li t-tablets ma ntużawx fil-ħarġiet edukattivi organizzati mill-iskola. Bl-istess mod, ir-riżultati tal-istħarriġ urew li ħafna studenti ma użawx it-tablets waqt ħarġiet tal-familja.
    o   L-użu tat-tablets id-dar kien mifrux b’mod irregolari.

    L-apps tal-Matematika u l-Ingliż ġew stmati aktar mill-għalliema u l-ġenituri li pparteċipaw fl-istħarriġ, milli l-apps għall-Malti, ix-Xjenza, l-Istudji Soċjali u r-Reliġjon.

    Il-verifika enfasizzat xi problemi li jolqtu l-użu tat-tablets, li kienu jinkludu:
    o Studenti li ma jġibux it-tablets l-iskola;
    o Studenti li ma jiċċarġjawx it-tablets id-dar;
    o Problemi ta’ konnettività relatati man-netwerk tal-iskejjel/infrastruttura tal-Wi-Fi (primarjament fl-iskejjel mhux tal-istat); u
    o Kwistjonijiet ta’ hardware, prinċipalment relatati ma’ Wi-Fi, batterija u velocità li bih jaħdem it-tablet.

    Il-verifika indikat li s-servizzi ta’ appoġġ ipprovduti mid-Direttorat għal-Litteriżmu Diġitali u l-Ħiliet Trasversali tal-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol, ma kinux disponibbli fost l-iskejjel primarji tal-istat u dawk mhux tal-istat, fuq l-istess livell.

    Meta tikkunsidra r-riżultat tal-istħarriġ magħmul mill-Uffċċju Nazzjonali tal-Verifika fost l-għalliema u l-ġenituri, il-fehma ġenerali dwar l-iskema kienet waħda pożittiva, b’ 70% tal-parteċipanti jikkunsidraw li t-tablets għenu l-istudenti fil-mixja edukattiva tagħhom.

    Aċċess għal dan ir-rapport mis-sit uffiċjali www.nao.gov.mt u mill-paġna tal-Facebook tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika www.facebook.com/NAOMalta.