It-Turkija tniedi operazzjoni militari kontra l-Kurdi Sirjani … Rapporti ta' attakki mill-ajru fuq belt

    It-Turkija llum nidiet operazzjoni militari kontra l-ġellieda Kurdi fit-Tramuntana tas-Sirja wara li l-qawwiet Amerikani rtiraw miż-żona. Rapporti fil-midja Torka qed jgħidu li twettqu attakki mill-ajru fuq belt li tinsab mal-fruntiera tat-Tramuntana tas-Sirja.

    Il-President Tork Recep Tayyip Erdogan ħabbar il-bidu tal-kampanja jiem biss wara li nhar il-Ħadd li għadda l-President Amerikan Donald Trump qal t-truppi Amerikani se jkunu qed jitilqu miż-żona, f’mossa li essenzjalment se tkun qed tesponi lill-Kurdi Sirjani.

    Il-Kurdi kienu alleati tal-Istati Uniti fil-ġlieda kontra l-Istat Iżlamiku.

    “Il-missjoni tagħna hija li nipprevjenu l-ħolqien ta’ terroriżmu ġdid tul il-fruntiera tagħna fin-Nofsinhar tal-pajjiż, u nġibu lura l-paċi fiż-żona,” saħaq Erdogan permezz ta’ tweet.

    Tenna li l-Forzi Armati Torok, flimkien mal-Armata Nazzjonali Sirjana, nidiet dik li qed isejħu l-Operazzjoni tal-Paċi tar-Rebbiegħa, li għandha l-għan li teqred għal kollox lill-ġellieda Kurdi li huma meqjusin minn Erdogan bħala theddida ta’ terroriżmu kontra t-Turkija.