Id-Deputat Nazzjonalista Frederick Azzopardi lura Malta fis-sigħat li ġejjin biex ikompli jieħu l-kura

    L-Ispijker tal-Parlament Anġlu Farrugia ħabbar li fis-sigħat li ġejjin id-deputat Nazzjonalista Frederick Azzopardi mistenni jinġieb Malta mill-Marokk biex ikompli jieħu l-kura f'pajjiżna.

    Id-deputat Għawdxi kien qed jifforma parti mid-delegazzjoni parlamentari li attendiet fl-imsemmi pajjiż għall-Assemblea Parlamentari tal-Organizzazzjoni għall-Koperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku (OECD) meta ħassu ma jiflaħx.

    Huwa ngħata l-ewwel kura fi sptar fil-pajjiż u fis-seduta tal-Erbgħa  l-Viċi Kap tal-PN David Agius talab lill-Ispijker jgħid x'kienu l-aħħar żviluppi dwar il-kollega tiegħu.

    Farrugia wieġbu li l-uffiċċju tiegħu żamm kuntatt kontinwu mal-familjari tad-deputat u mal-klinika fejn qed jinżamm u se jinġieb Malta b'ambulanza tal-ajru biex ikompli bit-trattament f'pajjiżna.