Ġuvni jammetti li seraq erba' pompi tal-petrol

    Żagħżugħ ta' 26 sena minn Ħal Għaxaq li għandu l-vizzju tad-droga ammetta quddiem il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras li seraq minn erba' pompi tal-petrol.

    Dylan Spiteri kien mixli mill-Ispettur Eman Hayma li wettaq dawn ir-reati f'Raħal Ġdid, Ħaż-Żabbar, iż-Żejtun u Ħal Għaxaq f'Settembru u Ottubru li għadda. Huwa nqabad minn filmati tas-CCTV cameras.

    L-Avukat Franco Debono, li deher għalih flimkien mal-Avukat Marion Camilleri, talab li qabel jingħata s-sentenza jsir rapport biex jiġi stabbilit li verament jixtieq jibda programm kontra l-vizzju tad-droga.

    Sakemm jitħejja dan ir-rapport Spiteri ngħata l-ħelsien mill-arrest taħt depożitu ta' €500 u garanzija personali ta' €3,000 kif ukoll irid jiffirma l-għassa tliet darbiet fil-ġimgħa.