Grupp ta’ impjegati minn MAPFRE Malta jnaddfu l-bajja tal-Ġnejna għall-Jum Globali tal-Volontarjat

    Għat-tielet sena konsekuttiva, il-Grupp MAPFRE kompla jsaħħaħ l-impenn tiegħu favur is-sostenibbiltà ambjentali permezz tal-Jum Globali tal-Volontarjat. Bħala parti minn din l-inizjattiva, kienu organizzati numru ta’ attivitajiet ta’ volontarjat li għandhom x’jaqsmu mar-restawr u r-riforestazzjoni, kif ukoll tindif ta’ żibel u skart minn kwalunkwe post, inkuż taħt il-baħar. Din l-attivita, li saret matul ix-xahar ta’ Ottubru, hija parti mill-programm globali tal-Grupp li hu ddedikat għar-responsabbiltà soċjali.

    Permezz tal-programm f’Malta, inġabru madwar 1,000 kilogramma ta’ skart mill-bajja tal-Ġnejna, li kienu jinkludu oġetti bħal magni, slielem, biċċiet tal-ħġieġ u diversi tipi ta’ materjal. Hija sfortuna li numru kbir ta’ individwi għażlu li jiddisponu mill-iskart tagħhom b’mod irresponsabbli minkejja l-fatt li dawn il-każijiet setgħu faċilment jiġu evitat permezz tas-servizz għal skart kbir li huwa provdut mill-Kunsilli Lokali madwar Malta.

    Fi ftit aktar minn siegħa, il-voluntiera ta’ MAPFRE irnexxilhom jimlew skip kbir bl-iskart li nġabar. Sfotunatament, peress li ħafna mill-materjal kien diġà espost għall-elementi naturali matul żmien twil, dan kien ifisser li ma jkunx jista’ jiġi riċiklat. Għalhekk huwa ta’ importanza kbira li kulhadd jissepera u jiddisponi mill-iskart tiegħu b’mod korrett u permezz tad-diversi faċilitajiet li huma mifruxa madwar Malta.

    Fl-istess ġurnata tal-attivita, żewġ fkieren bl-isem ta’ Jane u Angelique ġew meħlusa wara t-tindif fil-Bajja tal-Ġnejna. Dawn iż-żewġ fkieren kienu instabu mqabbda f’numru ta’ xkiel li kien dispost fil-baħar. Sfortunatament, xi wħud mill-fkieren l-oħra ma kienux xxurtjati daqs dawn it-tnejn, għaliex dan l-aħħar nstabu numru ta’ fkieren mejta wara li dawn ġarrbu ġrieħi minħabba li sabu ruħhom maqbuda fi xbieki jew snanar li tħallew fl-ilma. L-Għaqda Nature Trust Malta tħeġġeġ lill-pubbliku biex jekk jaffaċċjaw fkieren f’diffikulta, jikkunttatjaw lil Wildlife Rescue Team minflok jippruvaw jilleberaw lil fkieren huma stesss.

    “Kienet esperjenza tassew sabiħa li naraw lil dawn il-fkieren jiġu meħlusa lura fl-ambjent tagħhom, u ninsabu tassew kburin li konna utli biex jitneħħa l-iskart mill-bajja tal-Ġnejna. Illum il-ġurnata huwa importanti aktar minn qatt qabel li nimpjenjaw ruħna għas-sostenibbiltà ambjentali, u huwa d-dmir tagħna li nkomplu nagħmlu dak li nistgħu,” qal Felipe Navarro Lopez de Chicheri, il-President u l-Kap Eżekuttiv ta’ MAPFRE Middlesea. “Barra minn hekk, kienet esperjenza sabiħa għall-impjegati li kellhom iċ-ċans jiġu mal-familji tagħhom biex jgħinu fit-tindif tal-ambjent,” hu żied.

    Matul is-sena l-oħra, 1,500 voluntier ħadu sehem matul din l-inizjattiva, f’58 attivita li saru f’aktar minn 25 pajjiż. B’hekk tħawwlu 1,720 siġra u nġabru aktar minn 35 tunnellata skart. Il-Programm ta’ Volontarjat ta’ MAPFRE matul dan l-aħħar sentejn ħalla impatt pożittiv fuq l-ambjent, skond l-għanjiet tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Iżvillup Sostennibli. MAPFRE Malta lesta li tkompli timpenja ruħha favur is-sostenibbiltà ambjentali, b'mod aktar speċifiku r-restawr ta' żoni degradati u t-tindif tal-baħar.