Fl-Istati Uniti: Tifel ta’ disa’ snin akkużat bil-qtil ta' ħames persuni wara li ta n-nar lil residenza

    Tifel ta’ disa’ snin akkużat li kkaġuna nirien f’dar li wasslu biex mietu tlett itfal u żewġ persuni adulti f’Illinois l-Istati Uniti, ġie mixli b’ħames kapi ta’ qtil volontarju.

    It-tifel minorenni qed jiffaċċja wkoll tliet każi ta’ akkuża b’rabta mat-tqabbid tan-nirien.

    Il-każ imur lura għas-6 ta’ April li għadda, meta nirien qawwijin f’residenza rriżultat fil-qtil ta’ tifel ta’ sena, żewġt itfal ta’ sentejn, raġel ta’ 34 sena u mara ta’ 69 sena.

    Id-database dwar l-omiċidji ta’ AP/USATODAY/Northeastern University turi li l-ebda minorenni daqstant żgħira fl-età ma kien mixli bi qtil tal-massa sa mill-inqas mill-2006. Id-database żżomm informazzjoni dwar dawk il-każi ta’ omiċidju li jkunu jinvolvu erba’ jew aktar vittmi f’perjodu ta’ ħin relattivament qasir (24 siegħa).

    Jekk fil-ġuri t-tifel jinstab ħati, huwa jista’ jitpoġġa fuq probation għal mill-inqas ħames snin iżda sa mhux aktar mindu jagħlaq 21 sena.