[FILMAT] Omm u binha ta' tliet snin jaqgħu minn għoli kbir għal mewthom wara inċident b'bużżieqa kbira

    Omm u binha ta’ tliet snin mietu f’inċident traġiku f’park tal-intratteniment fiċ-Ċina wara li l-bużżieqa mimlija bil-helium li permezz tagħha telgħu fl-ajru nqatgħet mill-irbit tagħha bil-konsegwenza li waqgħu mill-għoli.

    L-inċident seħħ fil-park tal-intratteniment ta’ Majiagou, li jinsab viċin il-belt ta’ Yantai fil-provinċja ta’ Shandong.

    Filmat li ttieħed ftit mumenti qabel ma seħħet it-traġedja juri lill-omm, ta; 31 sena, u lil binha ta’ tliet snin, jintrabtu biċ-ċintorini ta’ sigurtà hekk kif kienu qed isiru l-preparamenti biex il-bużżieqa kbira tinqata’ mill-art.

    Sfortunatament il-bużżieqa nħallet mill-irbit protettiv tagħha u nġarret mill-kurrenti tal-arja. Aktar tard infeqgħet u dan wassal biex l-omm u binha jaqgħu minn għoli kbir għal mewthom.

    Il-pulizija ta’ Yantai ħabbru li fit-3 ta’ Ottubru arrestaw lil ħames organizzaturi b’rabta ma’ dan il-każ, bl-attività turistika fil-park tiġi sospiża kaġun tal-inkjesta li hemm fis-seħħ.