Johnson & Johnson ordnata tħallas $8 biljun f’danni lil raġel wara li mediċina kabbritlu sidru

    Il-kumpanija Amerikana tal-farmaċewtika Johnson & Johnson ġiet ordnata tħallas $8 biljun f’danni lil raġel wara li saħaq li huwa ma ġiex imwissi li mediċina anti-psikotika wasslet biex kibirlu sidru.

    Ġurija f’qorti ta’ Filadelfja waslet id-deċiżjoni favur Nicolas Murray, ta’ 26 sena, li l-każ tiegħu huwa biss wieħed minn eluf li hemm pendenti fl-istat.

    L-avukati tiegħu argumentaw li s-sussidjarja ta’ J&J, Janssen, poġġiet lill-profittu ’l fuq minn saħħet il-pazjenti meta poġġiet fis-suq il-mediċina Risperdal.

    J&J min-naħa tagħha qalet li se tkun qed tappella mid-deċiżjoni, li hija ddeskriviet bħala li hija disproporzjonata.

    Il-kumpanija tal-farmaċewtika qed tiffaċċja diversi proċeduri legali dwar diversi każi relatati ma’ mediċinali u prodotti li timmanifattura.

    Aktar kmieni din is-sena l-kumpanija kienet ordnata tħallas $572 miljun għas-sehem tagħha li wasslet għall-kriżi tal-vizzji tal-‘opiods’ fl-istat ta’ Oklahoma.