Avukat iwissi li jistgħu jintilfu 140 impjieg

    L-Avukat Jean-Philippe Chetcuti appella lill-awtoritajiet biex ma jdumux ma jinvestigaw il-kumpanija legali tiegħu għax fin-nofs hemm l-impjieg tal-140 impjegat u l-familji tagħhom.

    Dr Chetcuti Cauchi huwa l-'managing partner' tal-kumpanija Chetcuti Cauchi Advocates li qed tiġi investigata wara li programm televiżiv Franċiż xandar intervista meħuda bil-moħbi miegħu li kienet tikkonċerna l-bejgħ tal-passaporti.

    L-awtoritajiet responsabbli mill-Iskema taċ-Ċittadinanza b'Investiment (IIP) issospendew il-liċenzja tal-kumpanija sakemm itemmu l-investigazzjoni dwar dak allegat fosthom li hemm min jagħlaq għajnejh biex jinħarġu l-passaporti.

    Wara li kienet diġa ħarġet tiċħad l-allegazzjonijiet li saru dwarha, il-kumpanija reġgħet iddikjarat li dejjem aġixxiet b'mod professjonali u etiku u qatt ma ċaħdet il-liġi.

    L-Avukat Chetcuti Cauchi sostna li huma qed jikkoperaw mal-awtoritajiet u se jibqgħu jagħmlu hekk sakemm il-verita li jafuha huma toħroġ fil-pubbliku.

    “Għad jiġi żmien fejn inwieġeb il-mistoqsijiet kollha tal-ġurnalisti. Illum nippreferi lill-awtoritajiet jagħmlu xogħlhom b'mod ħieles u seren”, huwa saħaq.

    Huwa ċaħad li ipprova jikseb vantaġġ għall-klijent u li tkellem ma' politiċi biex jintervjenu b'mod illegali.

    Waqt li nsista li huwa fatt li ebda klijent tagħhom li kellu l-applikazzjoni rifjutata ma kellu l-istess rifjut mibdula, Dr Chetcuti Cauchi sostna li huma qatt ma aċċettaw klijenti b'rekord kriminali u ebda klijent ma kellu ċ-ċittadinanza revokata minħabba xi reat kriminali.

    Huwa irrefera għall-140 impjegat li għandha l-kumpanija u saħaq li dawn kollha huma nies professjonisti.

    Dr Chetcuti Cauchi sostna li huma m'għandhomx diffikulta jiftħu l-bibien tagħhom għall-iskrutinju tal-istituzzjonijiet pubbliċi għax jaf li jridu jagħmlu xogħlhom kif obbligati bil-liġi u ħaġa bħal din ma tinkwetahx.

    “L-unika ħaġa li nitlob hija li r-reviżjoni tal-liċenzja ssir fl-iqsar żmien possibbli għax fin-nofs hemm l-għixien ta' 140 familja”, wissa l-Avukat Chetcuti Cauchi.