Priġunier jirtira allegazzjonijiet dwar Uffiċjal Korrettiv u jiskuża ruħu fil-Qorti

    F’Marzu ta’ din is-sena priġunier kellu argument ma’ Uffiċjali Korrettivi fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin u lbieraħ ġie akkużat fil-Qorti li hedded, irrikatta u inġurja Uffiċjal Korrettiv fir-rank ta’ Maġġur u dan bl-intenzjoni li jbeżżghu sabiex ma jħallihx jaqdi d-doveri tiegħu. F’dan l-argument l-istess priġunier beda jgħid ma’ diversi persuni u eventwalment fil-preżenza tal-Uffiċjal konċernat li għandu xi ritratti dwaru u daqt se joħroġhom pubblikament. 

    L-Uffiċjal Korrettiv inkwistjoni ma kellu xejn minn xiex jiddejjaq u dakinhar stess għamel rapport għand il-Pulizija biex tinvestiga u tieħu passi kriminali fil-konfront ta’ dan il-priġunier. Quddiem il-Maġistrat Dr Nadine Lia permezz tal-avukat li kien qed jirrappreżenta lill-priġunier dan ammetta li l-allegazzjonijiet li kien għamel dwar l-Uffiċjal Korrettiv ma kinux minnhom u kien lest jirtira dak kollu li qal u jiskuża ruħu mal-Uffiċjal fil-Qorti.

    Ladarba l-imputat irtira l-allegazzjonijiet u skuża ruħu fil-Qorti l-Uffiċjal Korrettiv aċċetta din id-dikjarazzjoni u ma kienx aktar interessat li jkomplu l-proċeduri fil-Qorti. Il-Maġistrat Lia qalet lill-imputat li l-Uffiċjal Korrettiv kien qed jagħmel xogħlu u għandu dejjem iġiblu rispett. L-Uffiċjal Korrettiv kien assistit mill-avukat tal-GWU Dr Anthea Whitney Turner.