Gareth Bale urtat bit-trattament minn Real Madrid

    L-attakkant Gareth Bale, 30 sena, jinsab irrabjat bit-trattament f’Real Madrid u se jinsisti li fis-sajf li ġej iħalli l-club, skond il-ġurnalist  Spanjol, Guillem Balaque, li tkellem mal-BBC u anke kiteb fi Diario AS li l-player ta’ Wales jinsab urtat bis-sitwazzjoni li jinsab fiha u issa huwa lest li jitlaq lill-club.

    Ġie aċċennat li Bale ma setax jemmen li tħalla barra mit-team li l-ġimgħa l-oħra lagħab kontra Club Brugge fiċ-Champions League mingħajr l-ebda spjegazzjoni meta kien fiżikament f’siktu u mingħajr ma kien imweġġa’ għall-partita msemmija.

    Fis-sitt snin li ilu fil-Bernabeu, Bale rebaħ erba’ darbiet iċ-Champions League, darba La Liga, il-Copa del Rey, u l-UEFA Super Cup u l-Club World Cup tliet darbiet kull waħda waqt li skorja iktar minn 100 goal.