Stefano Sensi barra għall-Italja

    Il-midfielder żagħżugħ ta' Inter, Stefano Sensi, se jitlef iż-żewġ logħbiet ta' kwalifikazzjoni għall-Euro 2020 li t-team nazzjonali Taljan immexxi minn Roberto Mancini se jilgħab matul din il-ġimgħa kontra l-Greċja u Liechtenstein rispettivament.
    Il-player ta' nofs il-ground mhux se jkun disponibbli minħabba li weġġa' waqt il-logħba tant mistennija fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet bejn Inter u Juventus tant li kellu joħroġ fl-intervall.
    Inizjalment Mancini kien sejjaħ lil Sensi fl-iskwadra proviżorja iżda wara dak li ġara ġie mneħħi mil-lista. B'hekk il-player ta' 24 sena baqa' mal-club Neroazzurro fejn qed jirċievi l-kura f'Appiano Gentile.
    Sensi kien parti mill-iskwadra tal-Italja fir-rebħiet li kellhom kontra l-Armenja u l-Fillandja rispettivament f'Settembru li għadda. Huwa skorja wkoll fid-debutt tiegħu fir-rebħa ta' 6-0 li kellhom kontra Liechtenstein. L-Azzurri għandhom rekord perfett fi Grupp J meta rebħu s-sitt partiti li lagħbu s’issa.