Il-Parlament isellem eks-deputat u omm ieħor

    Fis-seduta tat-Tlieta l-Parlament sellem il-memorja tal-eks-deputat Laburista Carmelo Buttigieg u lil Tessie Bartolo, omm id-deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo.

    Buttigieg, deputat minn Għawdex magħruf bħala “il-Fratell”, serva fil-Parlament bejn l-1976 u l-1987, u miet f'Lulju li għadda.

    Kemm id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne kif ukoll id-deputat Nazzjonalista Kevin Cutajar li huwa mix-Xagħra bħal Buttigieg, sellmu l-memorja tiegħu u faħħru l-kwalitajiet tiegħu.

    L-istess sar fil-konfront ta' omm Bartolo li mietet f'Awwissu li għadda bl-istess Fearne u l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia jfaħħru s-sens altruwistiku tagħha waqt li anke binha sellem il-memorja tagħha.

    Magħhom fil-kondoljanzi għal dawn iż-żewġ imwiet ingħaqad l-Ispijker Anġlu Farrugia li sellem kemm lilhom kif ukoll il-familjari tagħhom nkluż dawk preżenti fil-Parlament.