Il-politika nazzjonali għas-saħħa mentali mfaħħra mill-WHO

    Id-Direttur Reġjonali (Nominee) ġdid għar-Reġjun Ewropew tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO) Hans Kluge faħħar il-politika nazzjonali għas-saħħa mentali u wera s-sodisfazzjon tiegħu hekk kif dan il-pjan diġa’ beda jkun implimentat. 

    “Id-dokument dwar il-Pjan Strateġiku ta’ Malta għas-Saħħa Mentali 2020-2030 huwa turija tax-xogħol li qed isir fil-politika dwar is-saħħa mentali filwaqt li jfittex li jkun ambizzjuż u inklussiv. Ninsab infurmat li l-ewwel passi biex jiġu implimentati t-tibdiliet meħtieġa u r-riformi diġa’ għaddejjin bl-impenn li jiġi żviluppat network qawwi ta’ servizzi ta’ saħħa fil-komunità,” qal Kluge fi tmiem laqgħa li kellu mad-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne.

    Malta kienet l-ewwel pajjiż li għażel li jżur id-Direttur Reġjonali (nominee) ġdid għar-Reġjun Ewropew tal-WHO, turija tal-fiduċja li l-WHO għandha lejn pajjiżna u tal-kollaborazzjoni bejn pajjiżna u l-istess WHO.

    Fid-diskors tiegħu, Kluge tkellem dwar il-passi ‘l quddiem li għamel pajjiżna fil-qasam tas-saħħa u anke l-isfidi li dan is-settur għandu fosthom ir-ridistribuzzjoni tar-riżorsi mill-isptar ġenerali għall-qasam primarju. 

    Fuq dan l-aspett għaddejjin diversi proġetti: il-ftuħ taċ-Ċentru tas-Saħħa f’Ħal Kirkop, l-ewwel Ċentru tas-Saħħa ġdid f’għexieren ta’ snin; qed jitkompla x-xogħol fuq iċ-Ċentru Reġjonali tas-Saħħa Vincent Moran, Ċentri Komunitarji għas-Saħħa f’kull belt u raħal f’Malta u Għawdex.

    Kluge tkellem ukoll dwar ix-xogħol siewi li qiegħed jagħmel id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne fuq koperazzjoni speċjalment f’dak li għandu x’jaqsam ma’ prezzijiet u aċċess tal-mediċini.

    Min-naħa tiegħu, il-Ministru Fearne ppreżenta l-viżjoni u l-istrateġija għall-qasam tas-saħħa f’pajjżna. Din il-viżjoni hi mibnija fuq żewġ binarji: li filwaqt li jkollna kura fl-isptarijiet tagħna tal-ogħla livell insaħħu l-qasam tal-kura primarja “Dan nagħmluh billi nintegraw lit-tobba tal-familja fil-qasam tas-saħħa pubbliku, kif ukoll billi jkollna klinika tas-saħħa f’kull belt u raħal,” tenna d-Deputat Prim Ministru Fearne li tkellem ukoll dwar binarju ieħor - dak illi mhux biss infejqu lil min hu marid imma nipprevjenu l-mard, anke b’użu ta’ teknoloġija avvanzata.