€15,000 kumpens għal mara li tkeċċiet minn pulizija

    Mara li tkeċċiet mill-Korp tal-Pulizija se tingħata kumpens ta' €15,000 wara li l-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem ikkonkludiet li l-bord intern li eżamina l-każ ma kienx imparzjali.

    Il-kawża kontra Malta nfetħet minn Grace Gatt li għandha 51 sena u tgħix in-Naxxar.

    Gatt spjegat kif fl-2001 ġiet akkużata bi frodi u ġbir ta' flus bla permess għal binha marid waqt li fl-2007 kienet mixlija li għamlitha ta' investigatur privat mingħajr liċenzja meta marret is-Sirja biex iġġib tifel maħtuf.

    Fiż-żewġ każijiet instabet ħatja fejn dwar l-ewwel każ tpoġġiet taħt probation mentri fit-tieni wieħed ingħatat sentenza ta' sena ħabs sospiża.

    F'Jannar 2006 il-Kummissarju tal-Pulizija fetaħ passi dixxiplinarji kontriha talli aġixxiet kontra l-Korp, talli għamlet xogħol privat u talli tkellmet fuq ix-xandir pubbliku bla permess.

    Il-bord intern fil-Korp li eżamina l-akkużi sabha ħatja u ta parir lil-Kummissjoni għas-Servizzi Pubbliku biex ikeċċiha. Din kienet approvata mill-Prim Ministru f'Diċembru 2006.

    Hija fetħet kawża kostituzzjonali fejn ilmentat mill-bord għax qalet li dan kien iffurmat minn uffiċjali li jaqgħu taħt il-Kummissarju tal-Pulizija u għalhekk ma setgħux ikunu imparzjali.

    Għalkemm il-Qorti ta' Malta ċaħditilha t-talba għax irraġunat li kienet pulizija u ma kinietx protetta mill-Artiklu 6, Gatt ħadet il-każ quddiem il-Qorti Ewropa għad-Drittijiet.

    Din tatha raġun għax ikkonkludiet li d-deċiżjoni tikser l-imsemmi artiklu u minbarra li ordnat lill-Gvern Malti jagħtiha €15,000 f'kumpens non-pekunjarju ordnatlu wkoll iħallasha €10,000 oħra għall-ispejjeż tal-kawża.