Mixli li darab anzjan fix-Xewkija

    Raġel ta’ 35 sena mix-Xewkija ngħata l-ħelsien mill-arrest wara li wieġeb mhux ħati li t-Tnejn li għadda darab gravi anzjan ta’ 87 sena b’daqqa ta’ arma tan-nar fi Triq is-Salib, ix-Xewkija, Għawdex.

    Huwa tressaq il-Qorti akkużat li mingħajr il-ħsieb li joqtol jew iqiegħed il-ħajja ta’ ħaddieħor f’periklu ċar, ta’ daqqiet b’arma tan-nar u kkaġuna ġrieħi gravi lill-anzjan.

    L-akkużat wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih u ngħata l-ħelsien mill-arrest fuq diversi kundizzjonijiet tal-Qorti. Il-Qorti ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni favur ir-raġel ta’ 87 sena.

    Il-prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-Ispettur Bernard Charles Spiteri.