Żewġt aħwa jinżammu arrestati wara li ċaħdu li darbu Belti

    Sylvester James ta’ 33 sena u ħuh Reginald ta’ 29 sena, it-tnejn residenti l-Ħamrun, tressqu l-Qorti akkużati li pprovaw iferu b’mod gravi raġel ieħor, Kyle Dominic Galea, fil-Belt Valletta u li kisru l-paċi pubblika. Il-każ seħħ il-Ħadd li għadda fil-parti tal-komun ta' blokka appartamenti f’Misraħ San Ġwann.

    Sylvester waħdu kien mixli li fera lil Kyle b’mod ħafif u kien fil-pussess ta’ sikkina mingħajr ma kellu permess tal-Kummissarju tal-Pulizija. Reginald waħdu kien mixli wkoll li kkaġġuna ġrieħi ħfief fuq l-allegat vittma.

    Huma wieġbu mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontra tagħhom u saret talba għall-ħelsien mill-arrest tagħhom bil-prosekuzzjoni toġġezzjona minħabba l-fatt li għad iridu jixhdu l-allegat vittma u l-mara tiegħu li wkoll kienet preżenti waqt l-argument li nqala’. 

    Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Neville Camilleri ċaħdet it-talba minħabba li qalet li f’dan l-istadju mhix konvinta li f’każ li huma jingħataw il-ħelsien mill-arrest huma jkunu jistgħu jaderixxu mal-kundizzjonijiet imposti fuqhom u minħabba l-fatt li għad trid tixhed l-allegat vittma f’dawn il-proċeduri. Kien għalhekk li baqgħu jinżammu arrestati.

    Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Jeffrey Scicluna filwaqt li l-imputati kellhom jidhru għalihom l-Avukat Frank Cassar.