Jitlef ħajtu wara li ttajjar f'Bormla x-xahar li għadda

    Il-Pulizija għadha kemm ikkonfermat li l-anzjan li kien involut f'inċident tat-traffiku li seħħ fl-24 ta' Settembru li għadda sfortunatament tilef ħajtu.

    Ir-Raġel kien jinsab fil-periklu li jitlef ħajtu wara li għall-ħabta tas-6.00 a.m ttajjar minn vettura fi Triq Santa Tereża f’Bormla. Minn stħarriġ illi sar irriżulta li raġel ta’ 37 sena residenti l-kalkara kien qiegħed isuq vettura tat-tip Ford Escort meta għal xi raġuni laqat lill-anzjan ta’ 79 sena mill-Birgu.

    Fil-post issejħet ambulanza li assistiet lill-anzjan u ħaditu lejn l-Isptar Mater Dei għall-kura. Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat Audrey Demicoli li ħatret diversi esperti biex jassistuha fl-inkjesta.

    Il-funeral ta' Alfred Aquilina se jsir għada l-Erbgha 9 ta' Ottubru fl-4:00 p.m fil-knisja parrokkjali tal-Birgu.