L-avukat tal-“Koħħu” jgħid li ma jistax jitkellem

    L-Avukat Arthur Azzopardi sostna ma' dan is-sit li ma setax jirrispondi lill-mezzi tax-xandir dwar l-allegazzjonijiet li dehru fuq il-klijent tiegħu Vince Muscat, wieħed mit-tlitt irġiel akkużati bil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.

    Manuel Delia, fil-blog tiegħu, allega li Muscat identifika l-persuna li għamlitha bħala intermedjarju fil-kummissjoni dwar il-qtil ta' Caruana Galizia.

    Skont hu, ir-raġel magħruf bħala l-“Koħħu” tkellem mal-Pulizija b'mod sigriet għax kien imbeżża' miż-żewġ ko-akkużati l-oħra George Degiorgio u ħuh Alfred.

    Delia allega wkoll li fl-aħħar xhur Muscat tilef il-piż għax qed jirrifjuta li jiekol ikel tal-Ħabs u li qed jaqsam l-ikel ma' priġunieri oħra bil-blogger isostni li din hija turija ċara li qed jibża' għal ħajtu.

    Meta dan il-ġurnal talab kumment lill-Avukat Azzopardi huwa għamililna ċara li ma setax jikkummenta dwar dawn l-allegazzjonijiet għax il-każ għadu 'sub-judice'.

    L-aħħar rapporti fix-xandir dwar il-qtil ta' Caruana Galizia jgħidu li l-Pulizija għandha suspett f'negozjant magħruf bħala dak li seta kien il-moħħ wara d-delitt li seħħet fis-16 ta' Ottubru 2017.