Investigazzjoni dwar min irrikatta lil Fr Deo

    Il-Pulizija għaddejja bl-investigazzjoni tagħha biex tistabilixxi min irrikatta lill-eks-kappillan tal-Parroċċa ta' Santu Wistin fil-Belt, Fr Deo Debono, wara li rriżulta li huwa seraq oġġetti ta' valur għal din ir-raġuni.

    F'din l-investigazzjoni l-Pulizija trid tistabilixxi min kien wara dan ir-rikatt u r-raġuni għala biex mhux eskluż li jkun hemm persuna oħra mressqa dwar dan il-każ.

    Fr Debono, li għandu 36 sena u jgħix fil-kunvent ta' Santu Wistin fi Triq l-Ifran, kien ikkundannat sentejn ħabs sospiżi għal erba' snin wara li ammetta li f'Marzu li għadda seraq inċensier u navetta b'dannu għal Swor Mikelina Mifsud  mill-kunvent ta' Santa Katerina fil-Belt ukoll.

    Huwa ammetta wkoll li f'Jannar u Frar li għadda, minn ġewwa l-kunvent ta' Santu Wistin stess, seraq diversi kwadri u pitturi sagri b'dannu għal Fr Alexander Cauchi kif ukoll li matul din is-sena għamel qliegħ b'qerq b'dannu għal Noel Borg.

    Minbarra s-sentejn ħabs li jidħlu fis-seħħ jekk jikkommetti reat ieħor fl-erba' snin li ġejjin, Fr Debono kien ordnat ukoll biex fi żmien sitt xhur jagħti €9,500 lill-istess Borg.

    L-oġġetti misruqa ġew irkuprati kollha u jinsabu għand il-Pulizija li issa se tirritornahom lura lill-proprjetarji tagħhom.

    Is-smigħ tal-provi quddiem il-Maġistrat Ian Farrugia nstemgħu fil-magħluq bl-imsemmi ġudikant jinforma lill-mezzi tax-xandir qabel ta s-sentenza li huwa ma ried jumilja lil ħadd.

    Dan għar-raġuni tar-rikatt fejn mill-istess provi rriżulta li kuntrarjament għal dak li ġie irrappurtat minn ċertu persuni huwa ma ħax il-flus għalih jew għall-Parroċċa.

    Fis-sentenza tiegħu l-Maġistrat Farrugia ħa konsiderazzjoni ukoll li l-Provinċjal tal-Agostinjani, Fr Leslie Gatt, ħafer lil Fr Debono għal dak li għamel.

    L-investigazzjoni tal-Pulizija f'dan il-każ tmexxiet mill-Ispetturi Saviour Baldacchino u Jeffrey Scicluna mentri l-Avukat Stephen Tonna Lowel deher għal Fr Debono.

    L-Avukat Karl Micallef deher fl-awla biex jirrappreżenta lis-Soċjeta tal-Agostinjani.