Dħul akbar għal Revolut... iżda għalissa se tibqa' tirreġistra telf

    Il-kumpanija Revolut ħabbret li d-dħul annwali żdied b’erba’ darbiet, fattur li hija ddefiniet bħala ċertifikat tal-vijabilità tagħha. Madankollu hija wissiet li għalissa kienet se tibqa’ tirreġistra telf hekk kif kienet se ssaħħaħ l-investiment biex tespandi fuq livell internazzjonali.

    Il-kumpanija Ingliża tal-FinTech irreġistrat telf qabel it-taxxa ta’ 33 miljun lira sterlina fl-2018 meta mqabbel ma’ 15-il miljun is-sena ta’ qabel. Madankolu, l-ispejjeż żdiedu ferm anqas mid-dħul, li kiber minn 13 għal 58 miljun. Revolut ħabbret ukoll li kienet qed tippevedi li kienet se tittriplika d-dħul tagħha bi tleit darbiet din is-sena.

    Revolut tinsab ukoll f’diskussjonijiet ma’ investituri potenzjali li minnhom qed tittamma li tattira mal-nofs biljun dollar sal-aħħar tas-sena bil-mira li tirdoppja r-rata tat-tkabbir attwali.

    Revolut tnediet fl-2015 b’app u pre-paid card li toffri kambju tal-munita għal min qed jivvjaġġa iżda issa espandiet f’setturi oħra bħal trading ta’ stocks u kummerċ bankarju. Hija ngħatat liċenzja bankarja fiż-żona ewro s-sena li għaddiet, iżda damet iktar milli mistenni biex tibda topera bħala bank. Hu mistenni li l-ewwel fergħa tiftaħ fil-Litwanja sal-aħħar ta’ din is-sena u tibda tbiegħ prodotti ta’ self fl-2020.