X’għandhom x’jaqsmu Holly e Benji, L-Axis u l-kmamar il-ħodor tal-Għadira mad-dramm ta' Piscopo?

    Fuq il-mezzi soċjali, saret xi ħaġa komuni li xi kurżità tiġbidlek l-attenzjoni. Ilbieraħ ukoll ma ddiżappuntax hekk kif fuq Facebook dehret mistoqsija li qajmet interess partikolari ħafna.

    X’għandhom x’jaqsmu Holly e Benji, L-Axis u l-kmamar il-ħodor tal-Għadira?

    Għal dawk li għexu it-tmeninijet u d-disgħinijiet, Holly e Benji bla dubju kienu parti essenzjali mit-tfulija tagħhom. Fi żmien meta ma kienx hawn in-networks televiżivi li hawn llum u tfulija mingħajr mobiles, tablets, u gadgets oħra, kienu ħafna t-tfal li kienu jintefgħu quddiem t-televixin jistennew bi ħġarahom wieħed mill-programmi televizivi favorit tagħhom biex jibda.

    Hawn Malta, għal ħafna snin u għall-ġenerazzjonijiet sħaħ, il-cartoons ta’ Bim Bum Bam kienu popolari ħafna mat-tfal li għexu fid-disgħinijiet. B’ħafna minnhom jibdew bis-sigla kantata minn Cristina D’Avena, kif nistgħu ninsew lil Denver, I Puffi, Lady Oscar, Heidi, Lupin, Tartarughe Ninja ... il-lista ma’ tieqaf qatt.!

    Imma jekk nagħmlu lista ta’ l-iktar 10 cartoons, żgur li fuq quddiem nett ikun hemm il-famuż Holly e Benji, cartoons anime li jsegwi ix-xewqa ta’ Oliver Hutton (imlaqqam Holly) li jirbaħ it-Tazza Mondjali.

    L-istess ġenerazzjoni li gawdiet l-avventuri ta’ Holly e Benji hija wkoll il-ġenerazzjoni li leħqet l-Axis fl-aqwa tiegħu. Min jista’ jinsa l-laser shows u l-mużika tad-disgħinijiet f’wieħed mill-ikbar discos li kien hawn?

    Imma dan kollu x’għandu x’jaqsam mal-kmamar il-ħodor tal-Għadira?

    Għal ħafna nies, il-kmamar ħodor tal-Għadira ifissru ftit żmien ta’ rilassament fis-sajf.

    Iżda din il-konnessjoni bejn Holly e Benji, l-Axis, u dawn il-kmamar se joħduha biss min ma jitlifx id-dramm ġdid bil-Malti Meta Ġrejna Wara x-Xemx ta’ Clive Piscopo. L-unika ħaġa li Piscopo żvela magħna li Holly e Benji, l-Axis u l-Għadira se jkunu ingredjenti essenzjali fi dramm li se jdaħħak kif ukoll iżomm in-nies bil-kurżità sal-aħħar minuta!

    META ĠREJNA WARA X-XEMX se jittella’ ġewwa Spazju Kreattiv nhar it-18, 19, 20 u 24, 25, 26, 27 ta’ Ottubru u l-biljetti jinkisbu minn www.spazjukreattiv.org

    B’kitba ta’ Clive Piscopo u direzzjoni ta’ Lee-N Abela, il-kast jinkludi lil Clive Piscopo, Sarah Camilleri, Christine Francalanza, Christian Grech, u Claire Buhagiar kif ukoll lil Maria Farrugia, Maronia Mallia, Luke Magro, Gilbert Mallia, u Nathan Aquilina.

    Dan id-dramm huwa parti mill-programm ta’ Spazju Kreattiv għal udjenza minn 16-il sena 'l fuq. 

    Rating 16+