“Nagħmel xogħol ta’ għalliem u ma nitħallasx għalih”

    Il-problema ta’ nuqqas ta’ għalliema jidher li hi fil-fatt aktar serja milli wieħed jaħseb u l-Gvern qed jara kif jagħmel biex jsolvi din il-problema għax l-istudenti għandhom dritt u bżonn li fil-klassi jkollhom għalliem. Sors viċin inewsmalta, qal lil dan is-sit li r-realtà ta’ kemm m’hawnx għalliema f’Malta tinħass ukoll fl-iskola tal-Alternative Learning Programme (ALP). “Ili ngħallem f’din l-iskola. Peress li m’humiex isibu għalliema, b’mod speċjali dawk tas-snajja’, qegħdin allegatament iqabbdu persuni bħala Trainers li minkejja nagħmlu x-xogħol kollu ta’ għalliem normali bir-responsabbiltà b’kollox, m’għandniex paga u kundizzjonijiet tax-xogħol xierqa bħal għalliema,” sostna s-sors.

    Din il-persuna qaltilna li l-kundizzjonijiet tax-xogħol tat-Trainers fl-iskejjel ALP huma biss fuq bażi ta’ self employed part-time u la huma intitolati għal leave jew sick leave, kif ukoll ma jistgħux jagħmlu s-superviżjoni fil-ħin tal-mistrieħ. Dan it-Trainer spjega kif il-paga tagħhom fil-kuntratt hi ta’ b’€11.65 u wara tinqata’ t-taxxa u l-bolla. 

    “Nagħmlu x-xogħol kollu ta’ għalliema għalkemm m’aħniex kwalifikati u lanqas nitħallsu bħala għalliema,” ikkumenta dan is-sors. Huwa żied jgħid li l-impjieg tagħhom m’huwiex wieħed stabbli. It-Trainer jifhem li jekk ikun hemm għalliem kwalifikat jeħodlu postu, iżda żied jgħid li, “la minix gradwat lanqas nippretendi li nitħallas fil-grad ta’ għalliem. Però li ma jagħmilx sens hu li jkolli l-LSE miegħi u jkun imħallas aktar minni u fl-aħħar mill-aħħar, responsabbli minnu l-edukatur.” 

    Huwa qal li t-Trainer hu mistenni li jagħmel ix-xogħol tal-klassi kollu hu mentri f’każi minnhom hemm LSEs li jkunu taħthom, iżda kwalifikati aktar minnhom. Is-sors qal ukoll li mis-sena l-oħra dawn it-Trainers beda jinħarġilhom warrant temporanju, ħaġa li fit-tliet snin ta’ qabel ma saritx.

    “Bżonn li jerġgħu jinfetħu l-iskejjel tas-snajja’”

    Huwa qal li fid-dehra, is-sistema tal-ALP hi sabiħa, imma m’hemmx riżorsi biżżejjed. “Jekk ma jerġgħux joħolqu l-iskejjel tas-snajja’ se nkomplu sejrin lura,” qal b’dispjaċir dan it-Trainer.

    F’Malta għandna waħda minn dawn it-tip ta’ skejjel - l-iskola tal-Alternative Learning Programme (ALP) f’Raħal ġdid li tilqa’ madwar 200 student. It-Trainer qal li hawnhekk jattendu tfal b’diffikultajiet fl-edukazzjoni tagħhom li ma jkunux iridu jmorru l-MCAST fejn jitgħallmu snajja’ fosthom xogħol tal-injam, tal-elettriku u tal-madum. 

    Huwa qal li f’din l-ALP hemm madwar tmien trainers “imqassmin” fi tliet kategoriji. L-ewwel hemm dik tat-Trainers li għandhom ‘il fuq minn 65 sena, fejn fosthom hemm min kien fl-edukazzjoni qabel u oħrajn kienu jaħdmu fid-dockyard. It-tieni sezzjoni hi ta’ dawk kwalifikati fil-linja tagħhom, iżda bla O’Levels. Imbagħad fit-tielet kategorija hemm dik tal-Learning Support Educators (LSE) li staqsewhom jekk jixtiequx jgħallmu u dawk li aċċettaw qalbuhom għal għalliema supply. 

    Dan it-Trainer qal li waħda mir-regoli ta’ għalliema supply hi li jkollhom il-livell avvanzat fis-suġġett li jgħallmu, imma dawk fl-ALP mhux kollha għandhom l-A’Level fis-suġġett li jgħallmu. “Minħabba li ma bdewx isibu għalliema, bdew allegatament isibu persuni b’xi mod midħla tas-suġġett u jingaġġawhom. Din turi l-problema kbira li hawn tan-nuqqas ta’ għalliema, sostna s-sors. 

    Filwaqt li huwa jemmen li din is-sitwazzjoni mhix ideali għall-istudenti li għandhom ikollhom għalliema kwalifikati magħhom, lanqas m’hi għat-Trainers li jiffaċċjaw ħafna diffikultajiet. Huwa qal li se jkun hemm l-istess problema fil-programm tal-‘My Journey’, fosthom għall-għalliema fl-inġinerija. “Naf persuni kkwalifikati għal dan ix-xogħol, imma dawn mhux se jitilqu mill-post tax-xogħol stabbli tagħhom biex jiġu għal paga baxxa bħal din,” kompla t-Trainer. 

    “Bħala skola hi tajba u r-raġuni hi waħda. Dawn l-istudenti għandhom problemi soċjali u fl-iskola li kienu jattendu ma sabux posthom. Dan anke minħabba l-fatt li l-iskejjel li kienu jattendu fihom, fil-verità ma sabux kaptu tagħhom. 

    Is-sors qal li dawn it-tfal huma magħrufa li ma jħobbux jiktbu, iżda mill-esperjenza tiegħu stess, “meta turihom li taf u jindunaw li int trid tgħinhom, tasal magħhom u jieħdu interess kbir. Proprju għalhekk nemmen li jkun ta’ ġid li l-kundizzjonijiet tagħna t-Trainers għandhom ikunu aktar xierqa. Dan bil-għan li aktar professjonisti jitħajjru jiġu jgħallmu fl-ALP”.

    Huwa temm jgħid li fil-passat kien hawn problema bħal din u kienet instabet soluzzjoni billi dawk li, dak iż-żmien konna nsejħulhom bħala Instructors (eks dockyard), kienu ngħataw korsijiet fil-pedagoġija filgħaxija biex eventwalment laħqu bħala għalliema.