“Vendetta personali lil Fr Deo u lill-parroċċa”

    Wara dak li qiegħed jixxandar fuq il-mezzi tax-xandir fil-konfront ta’ Fr. Deo Debono, dan is-sit żar il-parroċċa ta’ Santu Wistin u staqsa lil bosta parruċċani hekk kif ħarġu mill-quddiesa dwar ir-reazzjoni tagħhom.

    F’kumment anonimu ntqal li din il-kontroversja dwar Fr. Deo Debono inqalat biss bil-għan li jsir il-ħsara kemm lilu personali kif ukoll lill-paroċċa ta’ Santu Wistin.

    “Il-kliem li ntqal u l-ħsara li saret ma seħħx b’mod intern iżda minn tal-madwar. Minn mindu din il-knisja saret parroċċa, il-ħażen kien ilu jinħass iżda issa eskala,” stqarret din il-persuna.

    Il-persuna anonima żiedet tgħid li hija ddiżżappuntat ruħha dwar kif il-midja xandret l-aħbar ta’ Fr. Deo u kif f’dan il-każ partikolari xxandar kemm ismu kif ukoll ir-ritratt tiegħu fuq il-midja socjali, bl-intenzjoni li jiġi attakkat b’mod personali. Madankollu, hija tisħaq li l-ħsara intenzjonata saret propju fi żmien partikolari, żmien il-festa b’riżultat li din tħassret.

    Inewsmalta hija informata li l-festa tħassret ilbieraħ filgħaxija mill-organizzaturi wara li informaw lill-parteċipanti bil-fomm f’laqgħa li saret wara l-quddies ta’ Tridu. Minkejja dan ma nħarġet l-ebda stqarrija uffiċjali b’mod immedjat.

    Intant fi stqarrija li nħarġet ftit tal-ħin ilu, il-Provinċja Agostinjana Maltija kkonfermat li ċ-ċelebrazzjonijiet esterni marbuta tħassru.  L-istqarrija żiedet tgħid li l-funzjonijiet liturġiċi fil-knisja se jkomplu kif ippjanat jiġifieri llum u għada, 19 u 20 ta’ Settembru, jkunu jiem tat-tridu bil-funzjoni tibda fis-6.30 p.m. 

    Dan filwaqt li nhar is-Sibt 21 ta’ Settembru, filgħaxija ssir il-Quddiesa Solenni fis-6.30 p.m. Nhar il-Ħadd il-Quddies ikun bħal ta’ nhar ta’ Ħadd jiġifieri fis-7.00 a.m., fid-9.30 a.m., fil-10.45 a.m. u fis-7.15 p.m.

    L-istqarrija temmet tappella lill-parruċċani biex iħallu l-investigazzjonijiet tal-pulizija u l-proċeduri tal-Qrati Ċivili jkomplu bil-ħidma tagħhom.