It-Taliban b'massakru ieħor … Mill-inqas 20 mejtin u kważi 100 oħrajn midrubin f'attakk b'bomba f'karozza quddiem sptar

    Attakk mit-Taliban b’bomba f’karozza viċin sptar fin-Nofsinhar tal-Afghanistan ħalla xejn inqas minn 20 persuna mejta. It-Taliban min-naħa tagħhom filwaqt li refgħu r-responsabbiltà tal-attakk, qalu li l-mira tal-attakk kien dipartiment governattiv tas-servizzi sigrieti fil-belt ta’ Qalat, li hija l-kapitali tal-provinċja ta’ Zabul.

    F’dan l-attakk indarbu wkoll 95 persuna oħra.

    Uffiċjal għoli għad-difiża qal li l-ġellieda riedu li jattakkaw bażi ta’ taħriġ li tintuża mill-aġenzija nazzjonali tas-sigurtà, l-NDS. Iżda minflok huma pparkjaw il-vettura bl-isplussiv barra grada ta’ sptar li tinsab fil-viċinanzi.

    Haji Atta Jan Haqbayan, membru fil-kunsill provinċjali ta’ Qalat, filwaqt li kkonferma li n-numru tal-vittma kien jammonta għal 20 persuna, saħaq li dan in-numru jista’ jkompli tiela’ hekk kif il-pulizija u t-timijiet ta’ salvataġġ għadhom qed ifittxu qalb it-tifrik.

    Ilbieraħ 48 persuna nqatlu fil-kapitali Kabul f’żewġ attakki separati, b’wieħed minnhom jiżvolġi waqt rally politiku tal-President Ashraf Ghani.