“M'hemmx bażi ta’ investigazzjoni” - Il-Kummissarju Hyzler fuq is-self ta’ Schembri lit-Times

    Il-Kummissarju tal-istandards u tal-etika fil-politika, George Hyzler, ikkonferma li huwa ma kellu l-ebda bażi fuq xiex huwa seta jinvestiga s-self ta’ flus li l-Kap tal-Persunnel tal-Prim Ministru, Keith Schembri, kien ta lill-kumpanija li topera l-gazzetta t-Times of Malta, Progress Press.

    Hyzler ikkonferma dan f’ittra li huwa bagħat lill-eks Chairman tal-Alternattiva Demokratika, Arnold Cassola. Dan wara li Cassola kien talab lill-imsemmi Hyzler biex jinvestiga s-self ta’ €1.5 miljun li Schembri, bħala direttur tal-kumpanija tiegħu Kasco Limited, kien ta lil Progress Press fl-2012. 

    Fl-ittra tiegħu, Cassola allega li dan is-self kien ksur tal-Kodiċi tal-Etika, minħabba li Schembri llum jokkupa l-kariga ta’ Chief of Staff tal-Prim Ministru. “Jidhirli li jekk persuni f’karigi tant importanti kienu u/jew huma involuti f’operazzjonijiet ta’ self ta’ din l-entità, din hija theddida għad-demokrazija fil-pajjiż.”

    Fir-risposta tiegħu, Hyzler saħaq li, abbażi tal-poteri legali li huwa għandu fil-kariga tiegħu, huwa ma seta' jagħmel xejn minħabba l-fatt li s-self seħħ qabel ma huwa beda jokkupa l-kariga preżenti tiegħu, “u kwindi qabel ma sar Person of Trust ai termini tal-liġi Maltija.” Apparti hekk, dan is-self sar ħafna qabel it-30 ta’ Ottubri tal-2018, “id-data fejn l-Att tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika beda jkun operattiv.”

    Hyzler saħaq ukoll li, “minkejja li nemmen li hemm nuqqas fil-liġijiet tagħna, li persons of trust mhumiex obbligati jagħmlu dikjarazzjoni tal-assi tagħhom fl-istess mod li jsiru minn Ministru u Segretarju Parlamentari, huwa tajjeb li s-Sur Schembri, stante il-pożizzjoni tiegħu, iddikjara pubblikament li kien sar dan il-finanzjament lit-Times, kif jitolbu l-prinċipji ta’ trasparenza u dwar kunflitt ta’ interess, reali jew apparenti, anke jekk dan sar xi ftit tard.”

    Il-Kummissarju żied ukoll li mir-riċerka li huwa għamel fir-Reġistru Malti tan-Negozji, Schembri irriżenja bħala Direttur tal-kumpanija fi-15 ta’ Marzu tal-2013, u għalhekk m’għandux aktar sehem uffiċjali fit-tmexxija tla-kumpanija, minkejja li baqa’ sid benefiċċjarju aħħari.”

    “Għal dawn ir-raġunijiet, m’hemmx bażi biex jiena niftaħ investigazzjoni dwar dan il-każ.”