Raġel mixli li ħarab wara li daħal fi tliet karozzi

    Senglean ta' 38 sena baqa' miżmum taħt arrest wara li kien mixli quddiem il-Maġistrat Marse-Ann Farrugia li b'karozza baqa' dieħel fi tlieta oħra u ħarab minn fuq il-post.

    Kenneth Cassar kien akkużat mill-Ispettur Eman Hayman li fil-lejl ta' bejn l-14 u l-15 ta' Settembru, fil-lokalita fejn joqgħod, saq Mercedes b'manjiera traskurata.

    Huwa kien mixli li wara li daħal f'Renault ta' Johan Mizzi, Honda ta' James Cosaitis u Toyota ta' Raymond Ciantar ħarab minn fuq il-post.

    Cassar ġie akkużat ukoll li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest mogħtija lilu mill-Maġistrati Astrid May Grima u Rachel Montebello kif ukoll li kiser sentenzi tal-Qorti tal-Maġistrati.

    L-Avukat Mario Mifsud informa lill-Maġistrat Farrugia li l-akkużat kien se jwieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih.

    Fl-istess waqt li infurmaha wkoll li ma kienx se jitlob għall-ħelsien mill-arrest ta' Cassar huwa talabha biex l-akkużat jinżamm fit-Taqsima Forensika tal-Isptar Monte Carmeli.

    Il-Maġistrat Farrugia laqgħet it-talba u ssuġġeriet lid-Direttur tal-Ħabs biex jagħti kull għajnuna possibbli lil Cassar.