Futsal: Intervista mad-direttur tekniku ta’ Luxol Futsal .. Nathaniel Jones

    Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futsal?

    Bdiet madwar 13-il sena ilu meta dak iż-żmien kel­lna team 5-a-side bl-isem ta’ “Bidnija”.

    Kien il-president Mario Vella li introduċieni f’dan l-isport u bil-mod il-mod beda jogħġobni. Bħala team “Bidnija” konna rbaħna ħaf­na unuri speċjalment il-kam­pjonat tal-Ewwel Diviż­joni.

    Dak iż-żmien kien hawn madwar 40 team reġistrati u ħafna mil-logħbiet kienu jsiru barra fil-grounds tal-5-a-side imxerrda madwar Malta. Illum l-affarijiet inbidlu u t-timijiet naqsu dras­tikament.

    Taqbel miegħi li naqas xi ftit l-interess f’dan l-isport?

    Aktar milli naqas l-inte­ress, iktar qed nara li n-nies m’għadhomx iridu rabta ta’ timijiet. Huwa veru li meta int ikollok team, trid tkun lest li tagħmel sagrifiċċji kbar, speċ­­jalment jekk ikun hemm ħafna affarijiet li jiddependu fuqek.

    Huwa fatt li diversi timijiet tal-futsal li waqfu kienu jduru fuq persuna jew tnejn li jridu jagħmlu kollox hu­ma.

    Ladarba jieqfu huma prattikament jieqaf it-team u jieqaf kollox. Jekk ma jkunx hemm impenn jew kif jissejjaħ bl-Ingliż “commitment”, diffiċli li team tal-futsal ikompli jiffunzjona.

    Jien nista’ nġib eżempju minnek. Int li int ġurnalist, irid ikollok l-impenn li taħdem, toħroġ l-aħbarijiet u tagħmel l-intervisti. Jekk dan l-impenn jonqos, ix-xogħol ma jkunx qed isir sew. L-istess ħaġa f’dan l-isport.

    Int kont anke involut fi sport ieħor fosthom il-waterpolo hux hekk?

    Iva jien kont parti mill-kumitat ta’ Marsaskala Waterpolo Club.

    U sakemm kelli 19-il kont nilgħab din il-logħba b’mod frekwenti.

    Imbagħad għamilt ħames snin fil-kariga ta’ segretarju fejn kelli ħafna mumenti ta’ sodisfazzjon.

    Liema huwa l-aktar sport favorit tiegħek, il-waterpolo jew il-futsal?

    Proprjament l-iktar sport favorit tiegħi huwa l-football. Kif kulħadd jaf jien nissimpatizza ma’ Hibernians FC (f’Malta) u ma’ Manchester United (fl-Ingilterra) u nħobb ħafna nsegwi l-logħob tagħhom.

    Għamilt żmien kont involut fil-kariga ta’ assistent segretarju ma’ Balzan FC.

    Issa int saqsejtni liema nippreferi bejn waterpolo u futsal. Fil-veritá it-tnejn li huma nħossni li nħobbhom.

    Jien narahom ukoll bħala sports staġjonali minħabba li l-waterpolo jintlagħab fis-sajf filwaqt li l-futsal jint­lagħab fix-xitwa.

    Għalhekk nista’ ngħid li għandi sport għal kull sta­ġun.

    Kellimni dwar l-aħħar staġun tagħkom fejn sirtu champions wara li ddominajtu l-play-offs finali. Kont qed tistenna li se tir­bħu l-ewwel tliet finali daqshekk b’mod faċli?

    Kull avversarju huwa diffiċli iżda meta tilgħab kontra Valletta, il-partita qatt ma tista’ tgħidilha faċli iktar u iktar meta tqis li l-Beltin kienu ġejjin minn avventura pożittiva fil-UEFA Futsal Champions League tant li għaddew għar-round ewlieni tal-kompetizzjoni.

    Aħna konna ġejjin minn fażi ta’ transizzjoni min­ħabba li ħtarna lil Gabriel Dobre bħala coach minflok Frane Despotovic.

    B’mod gradwali t-team beda jitla’ skaluna wara l-oħra u nħoss li f’Marzu li għadda lħaqna l-potenzjal kollu tagħna.

    Dan żgur li kien l-aqwa mument li ħadna vantaġġ minnu. Valletta ma kinux fil-forma fil-play-offs, aħna ħadna vantaġġ minn dan kollu u rbaħna l-kampjonat.

    Semmejt lil Gabriel Dobre. Kif  tiddeskrivi lil dan il-coach?

    Gabriel Dobre hu coach tajjeb ħafna. Meta ġie maħ­tur bħala coach, inħoss li kienet mossa għaqlija ħafna. Gabriel diġá kien magħna bħala player ma’ Balzan FC u kellu wkoll esperjenzi ma’ Tarxien Rainbows.

    B’hekk tista’ tgħid li jaf sew il-livell tal-futsal Malti. Huwa lagħab ukoll għal ħafna snin fit-team nazzjo­nali Rumen.

    B’hekk żgur mhux nieqes mill-esperjenza. Imbagħad meta jkollok coach ta’ livell mondjali bħal Sito Rivera, l-esperjenza li tieħu hi waħda kbira.

    Intom għandkom ukoll players barranin tal-ogħla livell. Kemm jgħinkom dan il-fatt biex ikollkom wir­jiet tajbin?

    Iva aħna investejna f’bar­ranin ta’ kwalitá fejn kollha għandhom potenzjal enormi. Barranin bħal Celino Alves, Emil Raducu, Leanderson u Zvezdan Vukovic huma sinonimi mal-futsal u anke ma’ Luxol.

    Intom għandkom ukoll players Maltin li qed jaq­dukom bl-aqwa mod possibbli.

    Iva, il-players Maltin li għandna huma wkoll ta’ kwalitá fejn players bħal Andy Mangion, Karl Azzopardi, Matthew Attard, Stefan Vella, Nicki Del Re u Clint Mifsud għandhom esperjenza vasta f’din il-logħ­ba tant sabiħa.

    Xi tgħidli dwar il-kontroll tar-referees tal-futsal lokali?

    Bħala referees int dejjem tara l-istess erba’ uċuh eżatt bħall-waterpolo. B’hekk tista’ tgħid li l-livell ma tantx jista’ jogħla.

    Din hi r-realtá għalkemm ngħidu li tnejn jew tlieta minnhom huma tajbin bħala uffiċjali tal-logħba.

    X’inhuma l-ħsibijiet tie­għek dwar l-esperjenza li kellkom bħala team fin-Norveġja għall-UEFA Futsal Champions League?

    Kienet esperjenza mill-isbaħ. Din kienet it-tieni darba li rnexxielna ngħaddu għar-round ewlieni ta’ din il-kompetizzjoni wara li għa­mil­na dan kollu sentejn ilu.

    It-timijiet li ltqajna magħ­hom kienu FC Florentino ta’ San Marino, Dinamo Chisinau tal u FC Sjarmtrollan tan-Norveġja.

    Fl-ewwel logħba konna dominanti fuq FC Florentino hekk kif irbaħna bl-iskor ta’ 5-0.

    Fit-tieni logħba tista’ tgħid li kważi lgħabna l-finali meta ltqajna ma’ Dinamo Chisinau u rbaħnilhom 5-3.

    Kienet logħba ferm kumbattuta kontra team li ma jaqta’ qalbu qatt. Qabel dan it-tournament sirna nafu li dan it-team Rumen irreġis­tra erba’ players Ukreni u dan kabbar il-potenzjal tagħ­hom.

    Madankollu aħna ħriġna aggressivi u kull meta sofrejna goal, konna kapaċi nagħmlu reazzjoni.

    Finalment il-logħba kontra Sjarmtrollan kienet oħra ftit delikata minħabba li konna qed nilagħbu kontra t-team ospitu.

    Fl-aħħar mill-aħħar ir­baħ­na din il-partita bl-iskor ta’ 8-3 biex spiċċajna f’ras il-klassifika u eventwalment għaddejna għal round ieħor ta’ din il-kompetizzjoni.

    Kemm taħdem mill-qrib mal-president ta’ Luxol St Andrew’s, Mario Vella?

    Kont assistent tiegħu għal dawn l-aħħar 12-il sena. Prattikament jien qisni d-dell tiegħu għax fejn ikun hu, inkun jien.

    Naqblu ħafna flimkien u prattikament nikkumplimentaw lil xulxin fix-xogħol tagħna tal-club.

    Bħalissa qed tilagħbu fil-court tal-iskola nazzjo­nali tal-isport. Kif qed tħos­su­kom hemmhekk?

    Iva bħalissa qed nitħarrġu hemmhekk. Dan sar bi qbil mal-iskola minħabba li Lu­xol St Andrew’s jagħtu l-ground lill-istudenti u l-iskola rreċiprokat billi għam­let disponibbli l-court tagħhom.

    Dan se jkun ukoll venue alternattiv fejn se jintlagħab l-istaġun li jmiss tal-erba’ timijiet elite tal-futsal.

    X’se jiġri mill-Padiljun Sportiv ta’ Kordin? Se jkompli jsir logħob tal-futsal hemmhekk?

    Fil-fatt ġejna infurmati li mhux interessati li jġeddu u għalhekk mhux se jsir lo­għob tal-kampjonat tal-elite hemmhekk.

    Hemm il-ħsieb li forsi jintuża għal Amateur Lea­gue u miegħu jkun hemm ukoll De La Salle fejn hemm­hekk ukoll jistgħu jintlagħbu xi logħob.

    Kemm hemm timijiet interessati matul dan l-ista­ġun?

    Fil-veritá se jkun hemm 10 timijiet li se jkunu maqsuma f’żewġ diviżjonijiet.

    Erba’ timijiet se jilagħbu fl-Elite Division filwaqt li sitta oħra se jipparteċipaw fil-kampjonat tal-Ewwel Di­viżjoni.

    Ma taħsibx li erba’ timijiet huma ftit wisq għal staġun sħiħ?

    Fl-opinjoni tiegħi ma kinitx tagħmel sens li aħna jew team ieħor tal-kalibru tagħna jilgħab kontra team amateur u jkollna riżultati kbar bħal 21-0, 20-0 jew     15-0.

    Għalhekk naħseb li din hi l-aqwa deċiżjoni li ttieħdet f’dawn iċ-ċirkostanzi.

    Liema se jkunu l-erba’ timijiet li se jipparteċipaw fl-Elite Division?

    L-erba’ timijiet se jkunu Luxol St Andrew’s, Swieqi United, University of Malta u Valletta FC.

    Issa se tilagħbu fir-round ewlieni tal-UEFA Futsal Champions League. Kemm taħseb li huwa diffiċli dan ir-round?

    Jien ngħid li veru diffiċli iżda mhux impossibbli. Nix­tiequ li nkunu l-ewwel club Malti li nagħmluha għal mal-Aħħar 16.

    Se nkunu qed nilagħbu fil-belt ta’ Praga kontra avversarji mir-Rumanija, il-Po­lonja u r-Repubblika Ċe­ka.

    Nixtieqek tgħaddi mes­saġġ lill-partitarji ta’ Luxol li minkejja li huma żgħar fin-numru għandhom qalb kbira.

    L-ewwelnett ngħidilhom grazzi għax maż-żmien il-partitarji verament żdiedu.

    F’Mejju li għadda meta lgħabna l-play-offs kontra Valletta kienu viċin tagħna u tawna s-sapport kollu meħ­tieġ.

    Ngħidilhom biex ikunu magħna wkoll għall-istaġun li ġej sabiex nerġgħu nirrepetu dawn is-suċċessi.