Jiżvolġi l-Parlament taż-Żgħażagħ 2019

    Id-Deputat Speaker Claudette Buttigieg mexxiet il-Parlament taż-Żgħażagħ 2019, b’żewġ seduti, l-ewwel waħda għall-adoloxxenti u t-tieni seduta għaż-żgħażagħ (+19). 

    F’kelmtejn ta’ introduzzjoni d-Deputat Speaker qalet li tapprezza ħafna x-xewqa tal-adoloxxenti u żgħażagħ li jixtiequ aktar għarfien tal-kontribut li huma jistgħu jagħtu lejn l-iżvilupp ta’ pajjiżna u s-sinifikat li dan jista’ jħalli fl-iżvilupp tal-politika Ewropea u dik tal-Mediterran lil hinn minnu. Hi kompliet tgħid li għalkemm aħna poplu żgħir, xorta waħda l-fehmiet u l-opinjonijiet tagħna bħala poplu huma nisġa tal-ħsieb Ewropew u dak Ewro-Meditterranju.

    Matul din l-edizzjoni tal-Parlament taż-Żgħażagħ 2019, l-adoloxxenti u ż-żgħażagħ iddiskutew: l-implimentazzjoni tal-edukazzjoni ċivika, l-ugwaljanza bejn is-sessi, plastik li jintuża darba, l-intelliġenza artifiċjali, l-użu tat-teknoloġija għall-iżvilupp sostenibbli, u s-sistema edukattiva.

    Ħadu sehem ukoll fid-diskussjoni s-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet tal-Volonotrjat Clifton Grima, u l-Membri Parlamentari David Agius, Ryan Callus, Rosianne Cutajar, Karl Gouder, u Ivan Bartolo.