Investiment ta’ nofs miljun fil-Bank tad-Demm

    Fil-Bank tad-Demm sar investiment ta’ nofs miljun ewro, fondi tal-European Economic Area (EEA). Permezz ta’ dan l-investiment numru ta’ persuni li sa issa ma kinux jistgħu jagħtu d-demm issa ser ikunu jistgħu. 

    Dan qalu d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne waqt li laqa’ lill-President ta’ Malta George Vella ġewwa l-Bank tad-Demm fi Gwardamanġa. Fost dawn hemm persuni gay li issa se jitneħħa l-impediment assolut li kien jeżisti qabel biex jagħtu d-demm. F’dan il-każ id-diferiment inizjali ser ikun ta’ sena li eventwalment jinżel għal ftit xhur.

    Il-President, flimkien mad-Deputat Prim Ministru, kellhom l-okkażjoni jiltaqgħu mad-donaturi tad-demm u  mal-ħaddiema f’dan iċ-Ċentru.

    Fid-diskors tiegħu l-President ta’ Malta qal li d-demm huwa prezzjuż għax mingħajru ma jkunux jistgħu jsiru l-interventi meħtieġa fl-isptar. “Id-demm mhux prodott li nistgħu nixtru. Huma l-voluntiera li b’tant altruwiżmu jmorru fil-Bank tad-Demm u jagħtu d-demm li jagħmlu possibbli ħafna mill-operazzjonijiet li jsiru fl-isptar”, qal il-President ta’ Malta George Vella.

    Is-sena li għaddiet kienu kważi 22,000 il-persuni li marru jagħtu d-demm u li minnhom effettivament setgħu jagħtu madwar 17,000 persuna. Id-Deputat Prim Ministru qal li dan in-numru mistenni jiżdied, issa li se tkun introdotta magna ġdida, NAT testing, min-nhar it-Tnejn.