Il-leġġendarju Roberto Carlos b'donazzjoni ta' kważi €2,000 lil Puttinu Cares

    L-eks-stilla tal-futbol Brażiljan, Roberto Carlos, attwalment jinsab f’pajjiżna fejn se jkun qed jiltaqa’ mal-għaqda pedjatrika tal-kanċer, Puttinu Cares, u kif ukoll joffri sessjoni ta’ futbol ma’ tfal li bħalissa għaddejjin bit-trattament tal-kanċer. Carlos se jkun qed jiffirma bosta oġġetti, li mbagħad se jiġu rkantati waqt il-15-il edizzjoni tal-maratona annwali tal-futbol tal-Fondazzjoni Puttinu Cares, li se ssir fi tmiem din il-ġimgħa.
     
    Barra minn hekk huwa ppreżenta donazzjoni sinifikanti ta’ $2,000 (€1,817) lill-Fondazzjoni Puttinu Cares f’isem LUCKY.io li tagħha huwa ambaxxatur. Waqt konferenza stampa li saret illejla ġewwa l-Marsa Sports Grounds, fejn se tkun qiegħda ssir il-maratona ta’ 60 siegħa football u volleyball b’risq Puttinu Cares, Roberto Carlos stqarr li ġie magħżul bħala l-ambaxxatur tal-online casino LUCKY.io u li qiegħed jipparteċipa f’attivitajiet bħal dawn. Huwa spjega kif din kienet l-ewwel żjara tiegħu f’pajjiżna u jittama li jerġa’ jiġi biex ikun jista’ jara aħjar x’joffru dawn il-gżejjer. Huwa feraħ ukoll lil Puttinu Cares tax-xogħol impekkabbli li jagħmlu. “Ibqgħu għamlu dan ix-xogħol li huwa importanti ħafna u jgħin lid-dinja kollha.”
     
    Indirizzaw ukoll il-konferenza s-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet Voluntarji Clifton Grima, il-Viċi President ta’ Puttinu Cares Dr Victor Calvagna, is-CEO ta’ LUCKY.io Halvor Dahl, il-Head of PR ta’ LUCKY.io Yelena Kernsborn u s-Segretarju Ġenerali tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol (MFA) Dr Angelo Chetcuti. Carlos hu ‘footballer’ magħruf li ġej mill-Brażil u fil-futbol hu meqjus bħala wieħed mill-aqwa difensuri li kien jilgħab fuq in-naħa tax-xellug. Trabba f’familja fqira u saħansitra kellu jaħdem fi tfulitu. Hekk kif il-karriera tiegħu fil-futbol bdiet taqbad mal-klabb Brażiljan Atletico Mineiro, ma damx wisq ma beda jilgħab mal-aħjar klabbs Ewropej. Lagħab mar-Real Madrid għal 11-il sena, fejn ikkontribwixxa għal ħafna mir-rebħiet tat-tim, kif ukoll ikkowċja bosta klabbs oħra wara li rtira mil-logħob. Huwa beda jilgħab mat-tim nazzjonali Brażiljan fl-1992.
     
    Ħa sehem fi tliet kompetizzjonijiet tat-Tazza tad-Dinja, u rnexxielu jasal sal-finali fi Franza u rebaħ it-Tazza fl-2002. Wieħed faċilment jista’ jgħid li dan il-leġġenda sportiva hu atleta komplut. Puttinu Cares twaqqaf fl-2002 bħala grupp ta’ sapport għal min ibati bil-kanċer. Beda mill-idea u x-xewqa li joffri approċċ ħolistiku ta’ kura lill-familji li għandhom tfal morda bil-kanċer. Il-grupp ta’ sapport joffri gwida lill-ġenituri biex jgħinhom f’din l-esperjenza diffiċli u jgħinhom iħarsu lejn futur aħjar. L-għaqda akkwistat numru ta’ propjetajiet f’Sutton fir-Renju Unit, viċin l-isptar Royal Marsden, fejn il-biċċa l-kbira tal-pazjenti żgħar Maltin isiefru biex jieħdu t-trattament tagħhom.
     
    Puttinu Cares bħalissa qed tiġbor il-flus biex ikollha akkomodazzjoni wkoll fiċ-ċentru ta’ Londra. L-għaqda qed tfittex li jkollha minn tlieta sa 12-il appartament żgħir biex jintużaw b’xejn mill-familji. B’hekk telimina l-inċertezza tal-pazjent u familtu meta jkollhom ifittxu fejn joqogħdu waqt it-trattament, li tiswihom ħafna flus.