Boris Johnson b'daqqa ta' ħarta oħra … din id-darba minn qorti Skoċċiża

    Il-Prim Ministru Brittaniku Boris Johnson sofra daqqa ta’ ħarta ġdida llum hekk kif qorti Skoċċiża ddeċidiet li s-sospensjoni kontroversjali tal-Parlament fil-jiem qabel Brexit hija waħda illegali.

    Il-Gvern Brittaniku appella mid-deċiżjoni minnufih bil-każ mistenni li jinstema’ quddiem il-Qorti Suprema nhar it-Tlieta li ġej, u bil-Parlament li intant mistenni li jibqa’ sospiż.

    Johnson qal li d-deċiżjoni tiegħu wara s-sospensjoni – jew l-aġġornament – tal-Parlament għall-14 ta’ Ottubru li ġej hija mossa ta’ rutina li se tkun qed tippermetti lill-gvern tiegħu biex iniedi aġenda leġiżlattiva ġdida.

    Madankollu l-kritiċi tiegħu qed jikkritikawh li huwa għamel dan biex ikun jista’ jagħmel sarima ma’ ħalq l-Oppożizzjoni fir-rigward tat-theddid tiegħu li joħroġ mill-Unjoni Ewropea fl-aħħar ta’ Ottubru li ġej ladarba ma jkunx laħaq ftehim ma’ Brussell dwar Brexit.

    Jekk Johnson ma jirnexxilux jilħaq dan il-ftehim, allura huwa qed jinsisti li joħroġ mill-UE b’mod immedjat. Dan min-naħa tiegħu qanqal ir-rabja ta’ diversi deputati li jaraw Brexit bla ftehim bħala mossa li se tkun qed titfa’ lill-pajjiż f’kaos.